STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAR-RIŻORSI U L-AFFARIJIET RURALI
Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali jirreferi għall-konferenza tal-aħbarijiet immexxija mill-Onor. Buontempo f’San Ġiljan. Il-Ministeru jtenni li mhux minnu li l-Kunsill Lokali ma kienx infurmat dwar il-proġett. Il-Ministeru għamel laqgħa mal-Kunsill fejn ġie spjegat il-proġett u l-Kunsilliera, inkluż dawk tal-Partit Laburista, għamlu mistoqsijiet u suġġerimenti.
Jidher ċar li l-Onor. Buontempo jew ma kienx jaf jew inkella pprova jqarraq. L-Onor. Buontempo jmissu jaf li fil-fatt il-Kunsill Lokali ta' San Ġiljan b’mod unanimu, inkluż bil-vot tal-Kunsilliera tal-Partit Laburista, approva l-proġett kif propost mill-Gvern Ċentrali. Din id-deċiżjoni kienet ikkomunikata mill-Kunsill Lokali lill-Ministeru b'ittra fl-ewwel ta’ Diċembru 2011. Dan juri kif l-Oppożizzjoni b’kilba biex tipprova tirbaħ il-voti, tivvinta jew tqarraq.
Dwar il-Proġett ta’ Pjazza Spinola, l-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali, jfakkar li applika mal-MEPA biex ġaladarba jinħareġ il-permess ikun jista’ jinbeda x-xogħol fuq dan il-proġett li joffri spazju akbar, miftuħ u msebbaħ għal-użu tal-pubbliku.
Dan il-proġett se jkopri 2,400 metru kwadru ta’ art u se jsir b’investiment ta’ €1.3 miljun. Il-proġett se jwassal biex tikber iż-żona pedonali bil-kbir biex toffri spazju ferm aktar komdu u sigur lir-residenti Ġiljaniżi u lil dawk li jżuru din iż-żona turistika ta' pajjiżna. F'dan l-ispazju se jkunu nstallati żewġ funtani ġodda, numru ta’ bankijiet, dawl ġdid, u se jitħawlu madwar 15-il siġra tal-larinġ. Biex iseħħ il-proġett se jsir xogħol infrastrutturali qawwi biex ikunu installati culverts taħt l-art biex il-pjazza ma tibqax tegħreq meta tagħmel ix-xita.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017