TERĠA’ TITNIEDA IL-YOUTH SPECIALISATION STUDIES SCHEME
Determinati li niffaċilitaw l-isforzi taż-zgħażagħ tagħna biex ikomplu jtejbu l-ħiliet tagħhom u jkabbru l-opportunitajiet tagħhom fid-dinja tax-xogħol. Dan qalu l-Onor Clyde Puli meta dalgħodu nieda edizzjoni oħra tal-iskema tal-Youth Specialisation Studies Scheme (YSSS).
Is-Segretarju Parlamentari qal matul l-aħħar erbgħa snin 78 żgħażugħ u żagħżugħa bbenefikaw minn din l-iskema miftuha għal żgħażagħ ta’ bejn it-18 u t-30 sena. Din l-iskema hija ħolqa oħra f’katina ta’ inizjattivi u opportunitajiet ta’ studju miftuħa għaż-żgħażagħ. Clyde Puli qal li fl-aħħar 4 snin, lil hinn minn opportunitajiet oħra ta’ studju fl-Università ta’ Malta, fl-MCAST u fl-ITS ingħataw 1,500 scholarship li jvarjaw minn korsijiet undergraduate sa dottorati u minn dixxiplini akkademiċi sa arti u sport. Hu sostna li l-investiment tal-Gvern fl-edukazzjoni taż-żgħażagħ qiegħed iwassal għas-suċċess ta’ pajjiżna fil-qasam tax-xogħol, b’pajjiżna jibqa’ fost l-aqwa fl-Ewropa bl-anqas rati ta’ qgħad anke fost iż-żgħażagħ.
Il-Youth Specialisation Studies Scheme (YSSS) hija inizjattiva tal-APS Bank appoġjata mill-Aġenzija Żgħażagħ li toffri opportunità oħra lil dawk iż-żgħażagħ li l-kors tagħhom ma kienx jaqa fil-parametri tal-kriterji użati għall-ischolarships aktar il-fuq imsemmija, kif ukoll lil dawk li jixtiequ jikkumplimentaw dawk il-boroż ta’ studju b’fondi oħra, billi jingħataw aċċess għal soft loan b’rata ta’ imgħaxx issussidjat bil-għan li jkomplu bl-istudji tagħhom barra minn Malta jew li jieħdu kors akkademiku b’distance learning, fejn il-kors magħżul ma jkunx jingħata f’pajjiżna.
Edward Calleja, Head Advances Division tal-APS, qal li dan il-ftehim mal-APS Bank joffri rata ta’ imgħaxx issussidjata ta’ 1% minflok ir-rata tal-imgħaxx kurrenti ta’ 4.1% u sa 5 snin moratorju fuq il-ħlas kapitali biex dan jitħallas f’perjodu massimu ta’ 10 snin li jagħti nifs tajjeb lill-istudent li qed iħallas. Aktar minn hekk hemm benefiċċji oħra insurance tal-ivvjaġġar bla ħlas, visa card bla ħlas għall-ewwel sena u pproċessar tal-loan bla ħlas.
Din il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll minn Miriam Teuma CEO ta’ Aġenzija Żgħażagħ li qalet li l-Aġenzija Żgħażagħ qed tappoġġja din l-inizjattiva għaliex temmen li ż-żgħażagħ tagħna kapaċi jisfruttaw b’suċċess l-opportunitajiet mogħtija lilhom. Hija fakkret li llum hawn diversi opportunitajiet ta’ tagħlim fuq livelli differenti inkluż diversi programmi ta’ Empowerment organizzati mill-istess Aġenzija kif ukoll programmi oħra organizzati mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ u d-Dipartiment tat-Tagħlim ta’ Matul il-Ħajja.
Għal din is-sena se tingħata preferenza lil dawk l-istudenti li jixtiequ jkomplu l-istudji tagħhom f’waħda minn dawn l-oqsma: Aeronawtika; Saħħa u Bioteknoloġija; ICT; Produzzjoni ta’ Logħob Diġitali; Manifattura ta’ Valur Miżjud Għoli; Management Speċjalizzat; Ambjent; Agrikultura u Studji Marittimi; Youth Work; Konservazzjoni Naturali; Restawr u Sport.
L-applikazzjonijiet se jiftħu fl-1 ta’ Marzu 2012 u l-formoli tal-applikazzjoni se jkunu jistgħu jinkisbu mill-fergħat tal-APS Bank; minn Aġenzija Żgħażagħ jew mis-siti rispettivi tagħhom www.agenzijazghazagh.gov.mt jew www.apsbank.com.mt .
L-applikazzjonijiet flimkien mad-dokumentazzjoni mitluba jridu jiġu sottomessi personalment lill-Aġenżija Żgħażagħ, annex ma’ Casa Leoni, St. Joseph Road, Santa Venera sa mhux aktar tard mill-Ġimgħa 15 ta’ Ġunju 2012.
Other Press Releases:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en