IS-SAĦĦA PROMOSSA PERMEZZ TA’ MIXJA U ĠIRJA BIR-ROTI F’GĦAWDEX
Nhar il-Ħadd 26 ta’ Frar, ser issir Ġirja bir-Roti u mixja f’Għawdex bil-għan li tiġi promossa l-attività fiżika bħala prevenzjoni għall-kanċer. Din l-attività qed tiġi organizzata mit-Taqsima tal-Promozzjoni tas-Saħħa fi ħdan l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex u l-Gozo Cycling Club.
Il-mixja ser titlaq minn ħdejn il-Knisja ta’ Ħamet fix-Xagħra u tgħaddi minn Triq ta’ Ħamet, Wied tal-Għejun, Triq ta’ Għajn Ħosna, Triq l-Għejun, Triq it-Tafla u tispiċċa fi Triq ta’ Ħamet.
Ir-rotta għal dawk li ser jipparteċipaw bir-roti titlaq minn ħdejn il-Knisja ta’ Ħamet, lejn ir-Rabat, Marsalforn, ix-Xwejni, l-Għasri, Ta’ Pinu, ir-Rabat u tispiċċa ħdejn il-Knisja ta’ Ħamet.
L-Emergency Response Rescue Corps ser jassistu liċ-ċiklisti. Dawk li jixtiequ jipparteċipaw bir-rota ser ikunu jistgħu jikru rota minn ħdejn il-Knisja ta’ Ħamet stess.
Skont ix-xjenzati, livelli baxxi ta’ attività fiżika jistgħu jżidu r-riskju ta’ tipi ta’ kanċer, filwaqt li l-attività fiżika tnaqqas din il-possibbiltà. Studju partikolari juri li dawk li jimxu jew isuqu r-rota għal siegħa kuljum għandhom 16% inqas ċans li jiżviluppaw il-kanċer. Dawk li jimxu jew isuqu r-rota għal nofsiegħa kuljum għandhom 34% inqas ċans li jmutu bil-kanċer.
Other Press Releases:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en