IL-EUROGROUP U L-ECOFIN JIDDISKUTU T-TISĦIĦ TAL-EKONOMIJI U FINANZI TAL-ISTATI MEMBRI
Il-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment, Tonio Fenech, ħalla Malta għal Brussell, fejn se jipparteċipa fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Affarijiet Ekonomiċi u l-Finanzi tal-Unjoni Ewropea (ECOFIN) kif ukoll tal-Eurogroup.
Waqt il-Eurogroup, se tkompli d-diskussjoni dwar il-qagħda finanzjarja u t-tieni programm ta' aġġustament għall-Ġrecja. Il-Ministri se jittrattaw ukoll it-tisħiħ tal-Faċilità Ewropea għall-Istabbilità Finanzjarja (EFSF) u l-istrument permanenti li se jieħu post il-Faċilità, il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbilità (ESM).
Fuq l-aġenda tal-ECOFIN se jkun hemm diskussjoni ta' proposti mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-governanza ekonomika, b'rabta mat-tisħiħ tal-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni se tagħti wkoll preżentazzjoni dwar l-Alert Mechanism Report, li huwa l-ewwel parti mill-proċeduri ġodda ta' sorveljanza ekonomika u finanzjarja fl-Unjoni Ewropea. F'dan ir-rapport, Malta titpoġġa fost grupp ristrett ta' ħdax-il pajjiż li għalihom il-Kummissjoni Ewropea mhix titlob analiżi aktar dettaljata tal-qagħda makro-ekonomika tagħhom.
Il-Ministri se jiddiskutu wkoll ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ministri għall-Baġit tal-2013 kif ukoll il-pożizzjoni tal-UE għal-laqgħa tal-Ministri tal-Finanzi tal-G20 tal-25 u s-26 ta' Frar fil-Messiku.
Tonio Fenech hu akkumpanjat mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment, Alfred Camilleri u mir-Rappreżentant Permanenti ta' Malta għall-Unjoni Ewropea, Richard Cachia Caruana.
Other Press Releases:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en