POYC - BIDLIET FIL-ĠBIR TA MEDIĊINI MINĦABBA Ż-ŻIEDA FIN-NUMRU TA’ SPIŻERIJI - Ikompli l-proċess ta’ reġistrazzjoni
Il-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità jirringrazzja lill-pubbliku tal-kooperazzjoni li wera matul il-proċess ta’ estensjoni tas-servizz tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek fil-lokalita’ ta’ Ħal-Luqa, Ħal-Safi, Ħal-Kirkop, l-Imqabba, il-Qrendi, Iż-Żurrieq, il-Gudja, Ħal-Għaxaq, Ħal-Tarxien, Santa Lucia, il-Marsa u l-Floriana.
Il-Ministeru jfakkar li pazjenti li joqogħdu fit-tnax-il lokalità msemmija u li għandhom il-Kartuna s-Safra, kif ukoll dawk li huma intitolati għall-mediċini tad-diabete u li s’issa għadhom jiġbru l-mediċini tagħhom mill-Ispiżeriji taċ-Ċentri tas-Saħħa tar-Raħal Ġdid, ta’ Ħal-Luqa u tal-Floriana, li dan is-servizz ser jiġi sospiż b’effett minn nhar is-Sibt 25 ta’ Frar, 2012. Għaldaqstant, dawk il-persuni li joqogħdu fil-lokalitajiet imsemmija u li għadhom ma rreġistrawx ma’ spiżerija fil-komunita’ huma mitluba jagħmlu dan mill-aktar fis sabiex jkunu jistgħu jibdew jiġbru l-mediċina minn spiżerija tal-għażla tagħhom.
Il-Formola uffiċjali tar-Registrazzjoni għall-Iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek tista’ tiġi ffirmata kemm mit-tabib/a privat/a kif ukoll mit-tobba taċ-Ċentri tas-Saħħa. Il-Formola tar-Reġistrazzjoni mimlija, għandha tittieħed lura għand l-ispiżerija li l-pazjent ikun irreġistra magħha. Flimkien mal-Formola tar-Reġistrazzjoni l-pazjent għandu jibgħat ukoll kopja tal-Karta tal-Identità u kopji tal-Kartun u l-Permessi kollha li jintitolawh għal mediċini b’xejn.
Dawk il-persuni li huma intitolati għall-mediċini oħra li jaqgħu taħt il-Kartuna r-Roża, jistgħu jibdew jiġbru dawn il-mediċini mill-ispiżerija taċ-Ċentru tal-Floriana.
Għar-Reġistrazzjoni għandha tintuża BISS il-Formola uffiċjali pprovduta mid-Dipartiment tal-POYC.
Il-Ministeru jirringrazzja lill min ikkontribwixxa biex din l-iskema tkompli tkun implimentata b’suċċess, bir-riżultat li eluf ta’ persuni li qabel kienu jinqdew minn ħames spiżeriji, issa qed jinqdew minn l-ispiżerija tal-għażla tagħhom fil-komunità. Illum, 73,000 persuna qed jiġbru l-mediċini b’xejn minn 160 spiżerija li jinsabu mifruxa f’59 lokalità madwar Malta u Għawdex.
Min għandu bżonn ta’ aktar informazzjoni għandu jċempel fuq dawn in-numri tat-telefon: 2248 1800 / 2210 6350.
Other Press Releases:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en