130 PERSUNA B’DIŻABILITÀ JSIBU IMPJIEG U JINGĦATAW TAĦRIĠ PERMEZZ TA’ PROĠETTI KO-FINANZJATI MILL-UE
Madwar 130 persuna b’diżabilità ġew impjegati fuq bażi full-time b’mod permanenti jew ingħataw esperjenza ta’ xogħol li eventwalment wasslithom sabiex itejbu l-ħiliet tagħhom u sabu impjieg. Dawn l-opportunitajiet ingħataw permezz ta’ proġetti varji mħaddma mill-ETC, mill-Aġenzija Sapport u mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità b’finanzjament miksub mill-Fond Soċjali Ewropew.
Id-dettalji ngħataw mill-Ministru għall-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Chris Said waqt żjara li għamel fiċ-Ċentru Ħajja Indipendenti Sonia Tanti li jinsab f’Ħal Far. Hemmhekk intlaqa’ miċ-Chairman tal-KNPD Joe Camilleri, id-Direttur Eżekuttiv Dr. Anne-Marie Callus u minn Vickie Gauci, Principal Occupational Therapist u Manager fi ħdan il-KNPD, li hi responsabbli mit-tmexxija taċ-Ċentru Sonia Tanti.
Dan iċ-ċentru hu proġett ta’ madwar €1.5 miljun li sar b’finanzjament miksub mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Permezz tiegħu, il-KNPD issa tipprovdi servizzi ta’ pariri, informazzjoni u taħriġ lil persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom f’dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ għixien indipendenti, b’mod speċjali fil-mobilità u fl-użu ta’ apparat assistiv. Iċ-ċentru jagħti servizz ta’ helpline u assessjar u pariri dwar tipi differenti ta’ wheelchairs u seating systems. Isir ukoll assessjar u taħriġ dwar sewqan b’vetturi adattati għal bżonnijiet differenti. Dawn is-servizzi jingħataw kemm lil persuni b’diżabilità Maltin, kif ukoll Għawdxin. L-għan ta’ dan iċ-ċentru, huwa li persuni b’diżabilità jingħataw taħriġ u tagħrif sabiex jimmassimizzaw il-kapaċitajiet individwali tagħhom u b’hekk ikunu f’pożizzjoni aħjar biex isibu opportunitajiet ta’ impjieg siewi u permanenti u b’hekk ikomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja u l-indipendenza tagħhom.
Il-Ministru Chris Said qal li dawn is-servizzi huma strument importanti li bihom il-persuni b’diżabilità f’Malta u Għawdex jaslu għal aktar inklużjoni fl-oqsma tax-xogħol, l-edukazzjoni u l-ħajja soċjali. Hu semma wkoll id-diversi servizzi li l-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ, ħafna drabi bl-għajnuna jew bi sħab tal-KNPD u l-Aġenzija Sapport, joffru lill-persuni b’diżabilità, aġenziji u entitajiet pubbliċi u privati.
Il-Ministru Said qal li x-xogħol jagħti dinjità lill-persuna, mhux l-anqas lill-persuni b’diżabilità. Flimkien mal-ETC, il-Gvern qed jinvesti fi programmi ta’ taħriġ u employability. Illum hemm aktar minn 900 persuna b’diżabilità li hija reġistrata li qed taħdem full-time u aktar minn 200 li jaħdmu part-time. Il-Gvern u l-aġenziji tiegħu qed joffru diversi skemi li jinċentivaw lil dawk li jħaddmu sabiex joffru opportunitajiet ta’ impjieg lil persuni b’diżabilità.
Hu rrefera b’mod partikolari għal tliet proġetti li qed jgħinu biex persuni b’diżabilità jsibu mpjieg. Permezz tal-Employment Aid Programme, l-ETC sabet impjieg lil 52 persuna b’diżabilità bil-Gvern iħallsilhom nofs is-salarju u l-bolla għal numru ta’ snin. Permezz tal-proġett Bridging the Gap, l-ETC sabet placement lil 37 persuna b’diżabilità li qed jirċievu allowance ta’ 80 fil-mija tal-paga minima għal esperjenza ta’ xogħol li permezz tagħha jitħarrġu biex eventwalment twassalhom biex isibu mpjieg. L-Aġenzija Sapport, bi sħab mal-KNPD u l-ETC qed tħaddem il-proġett Me2 li permezz tiegħu 430 persuna b’diżabilità qed jibbenefikaw minn taħriġ u minn esperjenzi ta’ xogħol. Dawn ingħataw aktar minn 11,400 siegħa ta’ taħriġ. 41 minnhom żammew l-impjieg full-time b’mod permanenti.
Il-Ministru Chris Said fisser il-KNPD bħala s-simbolu ta’ avvanz konsiderevoli fil-qasam tal-persuni b’diżabilità minn mindu twaqqfet fl-1987. Il-KNPD bidlet il-mod ta’ kif nitkellmu dwar il-persuni b’diżabilità, kif mill-kunċett ta’ karità bdejna nitkellmu dwar drittijiet, u li flimkien mal-ħidma tal-persuni b’diżabilità, għaqdiet non-governattivi u alleati oħra, il-KNPD ġabet bidla fl-attitudni tas-soċjetà Maltija lejn il-mod kif tħares lejn il-persuni b’diżabilità. Il-Ministru Said spjega li l-Gvern jinsab determinat li jkompli jaħdem biex jassigura li kull persuna tingħata l-appoġġ kollu meħtieġ u kull opportunità possibbli biex tirnexxi.
Other Press Releases:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en