Left arrow Go Back

DAR IL-GVERNATUR FID-DAĦLA TAL-BELT VICTORIA RESTAWRATA U SER TKUN TISTA’ TITGAWDA MILL-PUBBLIKU

pr0327
Date Icon 15/02/2012

Dar storika fid-daħla tal-Belt Victoria ġiet mgħoddija mid-Dipartiment tal-Artijiet lill-Ministeru għal Għawdex li min-naħa tiegħu għaddiha lill-għaqda volontarja Wirt Għawdex li ser tużaha bħala l-uffiċċju ewlieni tagħha. Dan sar b’riżultat ta’ ftehim iffirmat bejn il-Ministru għal Għawdex l-Onor. Giovanna Debono u l-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur l-Onor. Jason Azzopardi, u ta’ ftehim ieħor bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-għaqda Wirt Għawdex irrappreżentata mill-President is-Sur Franco Masini.

Il-proġett ta’ bini mill-ġdid u twessiegħ tat-triq li mix-Xewkija tagħti għar-Rabat li għaddej bħalissa, kien jesiġi li din id-dar, li hija landmark ewlenija fid-daħla tal-Belt Victoria, tinħatt u terġa’ tinbena aktar il-ġewwa. Dar il-Gvernatur inħattet u reġgħet inbniet mill-ġdid bl-istess ġebel li ġie nnumerat. L-arkitettura ta’ din id-dar għandha karatteristiċi tipiċi tas-seklu 18. Permezz ta’ dan il-proġett ta’ restawr, din id-dar saret aktar aċċessibbli u ser tkun  tista’ titgawda aktar mill-pubbliku.

L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, uriet is-sodisfazzjon għall-mod kif tmexxa x-xogħol biex filwaqt li seta’ jsir it-twessiegħ tat-triq permezz tal-proġett il-ġdid, ma ntilef xejn mill-wirt storiku rrappreżentat minn din id-dar li hija ddeskriviet bħala ‘ġojjel li ser ikompli jżid mas-siti storiċi li joffri Għawdex’. Il-Ministru Giovanna Debono qalet li tinsab ċerta li l-għaqda Wirt Għawdex ser tmexxi Dar il-Gvernatur b’impenn u responsabilità kif tagħmel f’siti oħra madwar Għawdex li matul iż-żmien ġew mgħoddija taħt ir-responsabilità ta’ din l-għaqda. “Meta nipproteġu l-patrimonju storiku imprezzabbli ta’ pajjiżna, inkunu qed insaħħu l-identità tagħna bħala poplu Malti u Għawdxi, u nuru li aħna kburin bil-gżejjer tagħna”, temmet tgħid il-Ministru Giovanna Debono.

L-Onor. Jason Azzopardi, Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur qal illi l-Gvern qed jaħdem bis-sħiħ sabiex ikompli jalloka aktar art pubblika lil diversi għaqdiet volontarji. Huwa saħaq li l-għaqda Wirt Għawdex jixraqilha post adekwat minn fejn din tkun tista’ topera, sabiex tħaddan u tippromwovi l-wirt kulturali Għawdxi.

Skont it-tradizzjoni, din id-dar tas-seklu 18, kienet tappartjeni lill-Gvernatur ta’ Għawdex u kienet tintuża meta l-Gran Mastru jew xi personalitajiet distinti kienu jżuru l-gżira Għawdxija. Dan sabiex qabel jidħlu fil-belt tal-gżira kienu jistgħu jbiddlu u jirrifreskaw irwieħhom f’din id-dar, wara t-tul u l-iskumdità tal-vjaġġ f’dawk iż-żminijiet. Il-Ministeru għal Għawdex għandu diversi arranġamenti oħra mal-għaqda Wirt Għawdex, li huma marbuta ma’ siti storiċi oħra f’Għawdex. Permezz ta’ dawn il-Management Agreements u l-voluntiera ta’ Wirt Għawdex dawn is-siti qed ikunu jistgħu jinfetħu b’mod regolari għat-tgawdija tal-pubbliku.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  Report by the Auditor General on the Workings of Local Government for the year 2025

PR262016en

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE Report by the Auditor General o...

More Press Releases Right arrow