STQARRIJA TAL-MINISTERU TAL-FINANZI, L-EKONOMIJA U INVESTIMENT
Il-Gvern jinnota d-deċiżjoni tal-kumpanija ta’ credit rating Moody’s li tirriklassifika r-rating ta’ Malta fost numru ta’ pajjiżi oħra Ewropej.
Għal darb’oħra, Moody’s tiġġustifika din id-deċiżjoni fil-kuntest ta’ deterjorament tal-qagħda ekonomika u finanzjarja fl-Ewropa, u l-inċertezza marbuta mar-riformi istituzzjonali li qed isiru fuq livell Ewropew biex tissolva din il-kriżi. Dan qed iħalli impatt fuq il-fiduċja tal-investituri u għalhekk Moody’s tirrevedi ‘l isfel il-potenzjal ta’ tkabbir ekonomiku. L-istqarrija ta’ Moody’s tirreferi għall-impatt li l-miżuri ta’ awsterita’ li qed jieħdu pajjiżi oħra u li se jkollhom impatt, fost l-oħrajn, fuq it-turiżmu fl-Ewropa. Dan it-tnaqqis fir-rata ta’ tkabbir ekonomiku jippreżenta sfidi akbar fil-qasam tas-sostenibbiltà finanzjarja.
Din is-sitwazzjoni ssaħħaħ il-politika tal-Gvern li jrażżan in-nefqa finanzjarja tiegħu, u li jsaħħaħ l-investiment f’dawk l-oqsma li jixprunaw it-tkabbir ekonomiku u ħolqien tal-impjiegi.
Il-Gvern jinnota li pajjiżna rnexxilu jkompli jbaxxi d-defiċit, wara li fl-2010, fl-eqqel tal-kriżi internazzjonali, kien wiehed minn zewg pajjiżi biss li baxxew id-defiċit fl-Unjoni Ewropea. Dan wassal lill-Kummissjoni Ewropea biex f’Jannar 2012, tfaħħar id-deċiżjonijiet tal-Gvern li wasslu biex itejjeb il-qagħda finanzjarja tiegħu u b’hekk tiddeċiedi li twaqqaf l-azzjonijiet kontra pajjiżna fil-qafas tal-proċeduri ta’ defiċit eċċessiv. Il-Kummissjoni Ewropea esprimiet il-fiduċja li d-deċiżjonijiet u l-politika tal-Gvern fil-qafas tal-Baġit 2012 għandhom iwasslu biex is-sitwazzjoni finanzjarja titjieb b’tali mod li din is-sena d-defiċit jerġa’ jitniżżel taħt il-limitu ta’ 3% tal-PGD, li huwa l-limitu aċċettabbli fil-qafas tal-Patt ta’ Tkabbir u Stabbilità. Il-Fond Monetarju Internazzjonali saħansitra ddeskriva dan it-tnaqqis bħala wieħed mill-akbar fost il-pajjiżi avvanzati.
Għal din is-sena, il-Gvern qed jimplimenta sensiela ta’ inizjattivi mmirati biex jattiraw lejn pajjiżna aktar investiment u jibqa’ jkollna tkabbir ekonomiku f’setturi differenti. Dan qed isir bi skemi differenti favur is-sidien tan-negozji Maltin, biex dawn jespandu l-operat tagħhom, f’aktar inizjattivi biex jiżdied l-investiment barrani, f’investiment kapitali u infrastrutturali li jiġġenera aktar attivitità ekonomika u f’żieda fil-budgets allokati għall-Awtorità Maltija tat-Turiżmu biex jiżdied ir-reklamar ta’ pajjiżna quddiem dawn l-isfidi. Il-Gvern hu impenjat li pajjizna permezz tal-iskemi li qed jinħolqu u l-ħidma biex jiżdied l-investiment jinħoloq aktar xogħol għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Other Press Releases:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en