STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-KOMPETIZZJONI ĠUSTA, NEGOZJI ŻGĦAR U L-KONSUMATUR -
Business First - għas-sidien ta' negozju biex jiffukaw fuq in-negozju tagħhom. Joseph Muscat jagħti informazzjoni ħażina u wera li mhux konxju tal-iżviluppi li għaddejjin fl-SME’s.
Illum is-sidien tan-negozji żgħar u medji jistgħu jinqdew għall-affarijiet relatati man-negozju tagħhom mill-Business First li jinsab fl-uffiċċji tal-Malta Enterprise ġewwa l-Pietà, jew inkella permezz tat-telefon fuq 144.
Il-Gvern fetaħ dan iċ-ċentru Business First biex dawk li għadhom qed jiftħu n-negozju kif ukoll dawk li qed ikabbru l-operat tagħhom, jistgħu jagħmlu użu minn servizz ċentralizzat mingħajr ma jkollhom imorru minn post għall-ieħor. Dan jgħaqqad aktar minn 50 servizz li qabel kienu jingħataw minn dipartimenti jew entitajiet differenti tal-Gvern. Illum huma kollha miġbura taħt saqaf wieħed.
Business First jiffranka ħafna ħin u ġiri lis-sidien tan-negozji li b'hekk ikunu jistgħu jiffukaw iżjed fuq il-ħidma u l-operat tagħhom.
Hu għajb li l-Kap tal-Oppożizzjoni Joseph Muscat jagħti informazzjoni żbaljata lis-sidien tan-negozji żgħar u medji. Joseph Muscat flok jagħtihom il-kuraġġ, irid jaqtalgħhom qalbhom. Dan il-Gvern lis-sidien tan-negozji żgħar jagħtihom il-kuraġġ, l-għajnuna, jagħtihom skemi biex jinvestu u jnaqqsilhom il-burokrazija. Id-diskors ta’ Joseph Muscat li jagħti informazzjoni ħazina tixhed nuqqas ta’ serjetà.
Fost oħrajn, Business First jilqa' applikazzjonijiet għal għadd kbir ta' servizzi mgħotija minn 19-il entità jew dipartimenti tal-Gvern u li fil-maġġoranza tal-każijiet hemm qbil biex jiġu pproċessati f'inqas minn għaxart ijiem tax-xogħol. Is-sidien tan-negozju jistgħu jiksbu l-informazzjoni meħtieġa u japplikaw għal dawn is-servizzi permezz ta' żjara f'post wieħed ċentralizzat. Is-sidien tan-negozju jistgħu wkoll jiksbu informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta' assistenza, finanzjament u għajnuna oħra li tingħata biex in-negozji f'Malta jkollhom suċċess. Fost dawn hemm is-servizzi, l-iskemi u l-għajnuna kollha tal-Malta Enterprise.
Fost oħrajn, mill-Business First l-imprenditur jista' jirreġistra l-kumpannija, japplika għall-VAT u jirreġistra għat-taxxa, japplika għad-dawl u l-ilma, jikseb l-awtorizzazzjoni biex jimpjega l-ħaddiema u japplika għal-liċenzji tan-negozju, kif ukoll għadd ta' servizzi b'rabta mas-settur tat-turiżmu.
Minbarra din l-inizjattiva l-Gvern fetaħ diversi skemi biex sidien ta’ negozji zgħar ikunu jistgħu jinvestu aktar u b’hekk itejbu d-dħul għalihom u għall-familji tagħhom u joħolqu aktar impjiegi ġodda. Dawn l-iskemi qed jissarrfu f’żieda fl-investiment privat u żieda fl-impjiegi.
Other Press Releases:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en