IL-PRIM MINISTRU SE JRESSAQ LIĠI ĠDIDA FIL-PARLAMENT: L-INTERNET DRITT ĊIVILI ĠDID
Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi jemmen li l-aċċess mingħajr xkiel ta’ persuna għall-Internet; id-dritt għall-informazzjoni u l-libertà tal-espressjoni permezz tal-internet; u d-dritt li jiddeċiedi x’informazzjoni jikkomunika huma drittijiet ċivili ġodda li għandhom jidħlu fil-liġijiet ta' pajjiżna. Għalhekk il-Prim Ministru se jressaq liġi fil-Parlament li tiġġarantixxi dawn id-drittijiet ċivili ġodda f’pajjiżna.
L-Internet ġab rivoluzzjoni sħiħa fil-komunikazzjoni u l-informazzjoni u għalhekk il-Gvern irid id-drittijiet tal-individiwi jiġu mħarsa.
It-teknoloġija tal-informatika ġabet tibdil personali, soċjali, edukuattiv u ekonomiku. Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista introduċa u firex it-teknoloġija tal-informatika f’pajjiżna. B’mod regolari jġedded u jaġġorna l-politika tiegħu f’dan il-qasam importanti. Dan għaliex il-Gvern jemmen li t-teknoloġija tal-informattika hi strumentali għall-iżvilupp personali u soċjali ta’ kull individwu, hi kruċjali għall-iżvilupp edukattiv tat-tfal u taż-żgħażagħ u hi kontribut mill-aktar importanti għall-ħolqien ta’ aktar impjiegi għall-ħaddiema f’pajjiżna.
Il-Gvern kien fuq quddiem biex it-tibdil li dan il-mezz ġdid ta’ komunikazzjoni ġab miegħu, ikun parti mill-istrateġija edukattiva, soċjali u ekonomika f’pajjiżna għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Il-Gvern qiegħed isegwi d-dibattitu li qed isir dwar l-ACTA. Għall-Gvern hu ċar li d-drittijiet u l-privatezza tal-individwu għandhom jiġu mħarsa. Fl-istess waqt il-liġi għandha tipprovdi għal min jabbuża u jwettaq reati kriminali permezz tal-internet.
Other Press Releases:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en