Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU, L-AMBJENT U L-KULTURA - Il-Gvern f’ħidma kontinwa favur it-tisħiħ tar-riċiklaġġ tal-iskart tal-ippakeġġjar

pr0276
Date Icon 09/02/2012

B’referenza għall-istqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent, l-Iżvilupp Sostenibbli u t-Tibdil tal-Klima, Leo Brincat, dwar il-miri tal-UE fuq ir-riċiklaġġ tal-iskart tal-ippakeġġjar, il-Gvern jinnota li minn verifika ta’ ċifri li ġiet konkluża riċentament jirriżulta li fl-2008 Malta laħqet il-miri marbuta mar-riċiklagg tal-ħġieġ, tal-plastik, tal-karta u kartun, u tal-injam, filwaqt li fl-2009 Malta laħqet il-miri marbuta mar-riċiklaġġ tal-plastik, tal-karta u kartun, tal-injam u tal-metall. Dawn ir-riżultati juru li pajjiżna qed jagħmel progress f’dan il-qasam.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni kkritika l-ammont ta’ produtturi tal-iskart tal-ippakeġġjar u qal li 2,740 produttur biss huma reġistrati skont ir-rekwiżiti legali. Iżda l-Kelliem tal-Oppożizzjoni naqas milli jsemmi li l-ammont ta’ produtturi rreġistrati żdied minn 1,700 fl-2006 għal 2,740 fl-2011 u dan grazzi għall-kampanja ta’ informazzjoni dwar r-reġistrazzjoni li għamlet il-MEPA. Ta’ min isemmi wkoll li fl-2006, kien hemm biss 10 membri fi skemi approvati mill-MEPA filwaqt li fil-preżent hemm 2,390 membri f’dawn l-iskemi.

Minbarra dan, il-MEPA qed tieħu wkoll azzjoni legali kontra dawk il-produtturi li mhumiex rreġistrati skont kif titlob il-liġi u dan għandu għalhekk iwassal biex aktar produtturi jkunu konformi mal-liġi. Fil-fatt fl-2010 il-MEPA bdiet proċess biex tassigura li l-produtturi reġistrati mal-MEPA jġeddu r-registrazzjoni tagħhom mal-Awtorità kompetenti, liema tiġdid hu meħtieġ li jsir kull sena. Għalkemm dawn il-produtturi ġew infurmati uffiċjalment mill-MEPA biex iġeddu r-reġistrazzjoni tagħhom aktar minn darba, uħud minnhom baqgħu ma ġeddewx. Ghalhekk, il-MEPA qegħda tieħu passi legali kontra dawn il-produtturi. Fir-rigward ta’ kumpaniji reġistrati mal-MEPA, l-informazzjoni hija pubblikkata fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità.

B’referenza għall-ħlasijiet tar-reġistrazzjoni, il-MEPA tixtieq tikkjarifika li dawn il-ħlasijiet tar-reġistrazzjoni baqgħu dejjem l-istess, dik ta’ €10 għal reġistrazzjoni ‘online’ u €35  għar-reġistrazzjoni manwali.

L-obbligi tal-UE b’rabta mal-iskart tal-ippakkeġġjar għandhom l-għola prijorita’ għall-Gvern u għal dan il-għan ġew imsaħħa ir-riżorsi tal-MEPA marbuta mal-konformità tal-obligazzjonijiet tal-produttur dwar l-ippakeġġjar u l-iskart tal-ippakeġġjar.  Huwa wkoll b’riżultat ta’ dan li n-numru ta’ produtturi registrati żdied fl-aħħar snin.

Fl-istess waqt, l-istrateġija nazzjonali għall-immaniġġjar ta’ skart solidu qed tiġi reveduta biex b’hekk tkompli tiżdied il-konformità. Qed jiġi revedut ukoll l-mekkaniżmu tal-eko kontribuzzjoni biex iħeġġeġ u jemfasiża r-responsabbilità tal-produttur.

B’referenza għall-kummenti tal-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-kontijiet b’rabta mal-Wasteserv  kif intqal f’mistoqsija Parlamentari ftit tal-ġranet ilu, il-kontijiet awditjati tal-Wasteserv għadhom mhux ippubblikati sakemm ikun konkluż xogħol addizzjonali li ntalab mill-awdituri.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  Report by the Auditor General on the Workings of Local Government for the year 2025

PR262016en

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE Report by the Auditor General o...

More Press Releases Right arrow