IL-GVERN QED IKOMPLI JINVESTI FL-ISPORTIVI BIL-GĦAN LI JŻID IL-PROFESSJONALITÀ FL-ISPORT U JOĦLOQ EKONOMIJA SPORTIVA
Il-Gvern qiegħed jinvesti fl-isportivi Maltin kemm biex iżid il-professjonalità fl-isport u kif ukoll biex joħloq ekonomija sportiva li toħloq impjiegi ta’ kwalità. Hekk sostna l-Onor. Clyde Puli, Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport, meta dalgħodu nieda skema ta’ boroż ta’ studju fl-isport.
Waqt id-diskors tiegħu l-Onor. Puli saħaq li f’dawn l-aħħar snin il-Gvern investa kemm felaħ biex idaħħal kultura sportiva f’pajjiżna bl-intorduzzjoni ta’ diversi programmi sportivi fl-iskejjel u fil-komunità; investa fl-atleti promettenti u elite permezz ta’ skemi tal-KMS u oħrajn fiskali; u investa f’faċilitajiet sportivi ta’ kwalità. Huwa qal li dawn il-boroż ta’ studju huma ħolqa oħra minn katina tal-ħidma tal-Gvern biex l-isport jilħaq livell aktar professjonali bi professjonisti imħarrġa minn istituzzjonijiet internazzjonali.
Is-Segretarju Parlamentari spjiega kif dawn il-boroż ta’ studju għandhom l-għan li jippromwovu aktar l-isport mhux bħala delizzju iżda bħala professjoni. Fakkar wkoll kif jeħtieġ bidla fil-mentalità biex l-isport isir aktar professjonali b’ekonomija li ddur madwaru. Għalhekk, kompla s-Segretarju Parlamentari, b’dawn il-boroż ta’ studju l-Gvern qed iħeġġeġ lill-professjonisti biex jispeċjalizzaw fl-isport biex titwessa r-riżorsa wmana li tkun tista’ tamministra u torganizza faċilitajiet u attivitajiet sportivi kif ukoll jiżdiedu l-professjonisti fit-taħriġ tal-atleti, u servizzi anċillari mal-isport bħal mediċi u fiżjoterapisti.
L-Onor. Puli tenna li dawn il-boroż ta’ studju se jkunu qed jimmiraw li jilħqu kemm lill-atleti li jixtiequ jieħdu taħriġ professjonali biex itejbu l-ħiliet tagħhom f’dixxiplina sportiva partikolari u kif ukoll għall-studenti li jixtiequ jġibu kwalifikazzjoni għolja fl-isport minn istituzzjoni rikonoxxuta bħal Sport Managment and Administration; Sport Psychology and Coaching; Sports Excersice and Health; Sports Medicine; u Sports Law. Waqt id-diskors tiegħu l-Onor. Puli, fakkar kif f’din il-leġiżlatura il-Gvern qassam aktar minn 1,500 borża ta’ studju sabiex persuni fosthom iż-żgħażagħ jispeċjalizzaw f’diversi oqsma u ssussegwentement qed ikunu jistgħu jimirħu f’opportunitajiet ġodda ta’ xogħol.
Din il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata minn Mario Azzopardi, Direttur fid-Direttorat tal-Lifelong Learning li tkellem dwar l-opportunitajiet li qed jgħati l-Gvern fil-milja tiegħu biex aktar nies ikomplu jistudjaw u pajjiżna jeċċella f’diversi oqsma. Tkellem wkoll Bernard Vassallo, Chairman tal-Kunsill Malti għall-iSport li ta dettalji dwar dawn il-boroż ta’ studju.
Aktar informazzjoni dwar dawn il-boroż ta’ studju fl-isport u l-applikazzjonijiet jistgħu jitniżlu mis-sit tal-Kunsill Malti għall-iSport, www.sportmalta.org.mt jew mis-sit tad-Direttorat tal-Lifelong Learning www.myscholarship.gov.mt
Other Press Releases:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en