Left arrow Go Back

IT-TURIŻMU RURALI JŻID OPPORTUNITAJIET TA’ XOGĦOL F’GĦAWDEX

pr0263
Date Icon 08/02/2012

‘It-turiżmu rurali f’Għawdex iżid l-opportunitajiet ta’ xogħol għaż-żgħażagħ u l-ħaddiema Għawdxin.  Permezz ta’ din in-niċċa ta’ turiżmu, inkunu qed inġibu lejn Għawdex aktar turisti u għalhekk jiżdied il-kummerċ u n-negozju f’Għawdex.  Dan iġib miegħu tisħiħ u ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ xogħol.’  Dan qalitu l-Ministru għal Għawdex l-Onor. Giovanna Debono meta kienet qed tiftaħ konferenza li saret f’Għawdex bħala parti mill-proġett Innovative Concept of Eco-Accomodation Approach in Rural Regions (ICER).  Hi spjegat kif in-niċċa turistika tad-diving f’Għawdex uriet kif Għawdex għandu potenzjal li jattira oqsma li huma uniċi.  Il-qasam tad-diving qiegħed jissaħħaħ għaliex il-Gvern investa f’baħar nadif billi sar impjant għat-trattament tad-drenaġġ.  Illum għandna ħaddiema li qed jaħdmu direttament f’din l-industrija tat-turiżmu għaliex imxejna bi pjan u aġixxejna, sostniet il-Ministru għal Għawdex.

Il-proġett ICER, li ser jiswa madwar €1.8m, qed ikun ko-finanzjat mill-Programm Interreg IVC mill-Fond Ewropew għal Żvilupp Reġjonali u mistenni li jkun konkluż sal-aħħar ta’ din is-sena.

Dan il-proġett għandu l-għan li jipproponi rakkomondazzjonijiet għat-tisħiħ ta’ politika reġjonali dwar l-iżvilupp tat-turiżmu rurali. Dan fl-isfond ta’ dik li hi l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar l-iżvilupp ta’ territorji rurali mibnija fuq żvilupp sostenibbli fil-qasam ekonomiku, ambjentali u soċjali. Għawdex qed jipparteċipa flimkien ma’ entitajiet li ġejjin minn reġjuni rurali fi Franza, l-Irlanda, l-Ungerija, l-Estonja, il-Finlandja u l-Italja. 

Din il-konferenza ġiet imtellgħa bħala waħda mill-attivitajiet organizzati mir-reġjuni li qed jipparteċipaw. Permezz ta’ dawn l-attivitajiet qed jiġu maqsuma esperjenzi li ser iservu biex jitfassal dokument li ser ikun jinkludi dawk il-prattiċi tajbin ta’ kull reġjun rispettiv li għandhom potenzjal li jkunu adottati minn reġjuni oħra. Dan anke fl-isfond tal-potenzjal marbut ma’ ħolqien ta’ opportunitajiet tax-xogħol u ġenerazzjoni ta’ attività ekonomika f’żoni rurali.

Il-Ministru għal Għawdex faħħret lis-sidien ta’ stabilimenti turistiċi f’Għawdex li għarfu jiddiversifikaw is-servizzi tagħhom permezz ta’ inizjattivi li ġew individwati bħala wħud mill-prattiċi tajbin li ser ikunu inklużi fid-dokument ta’ rakkomandazzjonijiet. Fosthom hemm dik marbuta ma’ servizzi miżjuda mogħtija fil-qasam tal-akkomodazzjoni rurali li qed tkun strumentali biex jiżdied ix-xogħol għal dawk li joffru servizzi personalizzati marbuta mas-saħħa, is-sbuħija u servizzi oħra. Ewlieni fosthom hemm dak marbut ma’ lezzjonijiet tat-tisjir ta’ platti tipiċi Għawdxin bl-użu ta’ prodotti lokali.

Il-Ministru Giovanna Debono spjegat kif il-pjan ta’ azzjoni eko-Għawdex jinkorpora miżuri li jsostnu lill-qasam turistiku rurali fil-gżira ta’ Għawdex, li għandha tant x’toffri u tant potenzjal f’dan is-settur. Dan ikompli jagħti valur miżjud lill-parteċipazzjoni ta’ Għawdex f’dan il-proġett.

Il-konferenza ġiet indirizzata minn diversi rappreżentanti tal-pajjiżi parteċipanti li lkoll tkellmu dwar l-esperjenzi rispettivi f’dan il-proġett filwaqt li ingħatat ukoll informazzjoni marbuta ma’ erba’ prattiċi ewlenin li ġew individwati fil-qasam turistiku f’Għawdex u li ser jiġu ppreżentati  bħala rakkomandazzjonijiet fid-dokument finali.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  Report by the Auditor General on the Workings of Local Government for the year 2025

PR262016en

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE Report by the Auditor General o...

More Press Releases Right arrow