AKTAR MINN 1700 PROFESSJONIST JGĦINU TFAL B’DIFFIKULATJIET FIT-TAGĦLIM FL-ISKEJJEL TAL-GVERN
Barra mill-għalliem regolari lllum hemm aktar minn 1700 professjonist oħra fl-iskejjel tal-Gvern li jgħinu tfal li għandhom xi tip ta’ diffikulta fit-tagħlim. Dawn jinkludu Learning Support Assistants, psikoloġi, counsellors, terapisti, u professjonisti oħra li l-impjieg tagħhom inħoloq fl-aħħar erba’ snin.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Dolores Cristina irreferiet għal dawn il-professjonisti u għalliema u radditilhom ħajr għall-ħidma siewja tagħhom meta dal-għodu inawgrutat Librerija għal studenti li jbagħtu bid-Dyslexia f’ċentru li l-Gvern għandu fil-Furjana fejn jingħataw servizz dawn l-istudenti.
Il-kundizzjoni tad-dyslexia saret wisq aktar magħrufa milli kienet dari. Fil-fatt kull sena madwar 300 student f’Malta u Għawdex jiġu identifikati b’din il-kundizzjoni. Dawn l-istudenti jkollhom diffikulta speċifika fil-kitba u fil-qari imma b’ħafna ħidma u impenn jistgħu jiġu ‘l quddiem u isibu posthom fis-soċjeta.
Hemm ħafna każi kemm f’Malta kif ukoll fix-xena internazzjonali fejn tfal li kellhom il-kundizzjoni tad-dyslexia u ħadmu fuqhom, għelbu din id-diffikulta u kisbu fama f’diversi oqsma tal-ħajja, inkluż l-arti.
Pajjiżna għamel ħafna progress fis-settur tad-dyslexia. Waqt li sa ftit snin ilu kellna għalliema waħda speċjaliżżata f’dan il-qasam, meta n-numru ta’ tfal dyslexic żdied sostanzjalment, id-Direttorati tal-Edukazzjjoni offrew aktar possibilitajiet biex għalliema nteressati jkomplu jispeċjaliżżaw u jagħtu s-servizz meħtieġ f’dan il-qasam. Il-lum għandna 10 għalliema li huma speċjaliżżati fid-dyslexia.
Id-Direttorat għal Kwalita u Standards fl-Edukazzjoni, jagħraf biċ-ċar li għalkemm sar ħafna progress f’dawk li huma arranġamenti speċjali għal meta dawn it-tfal jiġu biex jagħmlu xi eżamijiet, dawn waħedhom m’humiex soluzzjoni għad-diffikulta li għandhom.
Sfortunatament , dawk l-istudenti b’diffikultajiet fil-qari ma tantx se jiġru wara l-kotba u għalhekk inħasset il-ħtieġa li t-taqsima edukattiva tad-dyslexia, tħajjar u toffri kull opportunita possibli biex dawn l-istudenti jkollhom aċċess aħjar għall-kelma miktuba u għas-sbuħija tal-kotba.
Għalhekk tlestiet din il-librerija li toffri għażla ta’ kotba għall-istudenti b’diversi abilitajiet u diversi nteressi, kotba li huma miktuba b’mod li anke min ibati biex jaqra jista’ jasal biex bil-mod jaqra ktieb sħiħ. Għalkemm il-kotba huma forsi miktuba bi kliem aktar sempliċi, l-istejjer huma ta’ nteress anke għall-adoloxxenti. Huma kotba sbieħ u li jistgħu jkunu ta’ interess kemm għat-tfal kif ukoll għall-ġenituri li forsi anke huma ibatu mill-istess diffikultajiet.
Il-Ministru Cristina fakkret li dan iċ-ċentru joffri wkoll ħafna riżorsi multi-sensorjali u aġġornati għall-istudenti bid-dyslexia. Dawn l-istess riżorsi jistgħu wkoll ikunu ta’ għajunua għall-għalliema li għandhom tfal dyslexic fil-klassi tagħhom.
Hi wriet it-tama li fil-ġimgħat li ġejjien kemm l-istudenti, ġenituri u għalliema jagħmlu użu tajjeb minn dawn il-kotba u riżorsi tant sbieħ u tant addattati għall-iżvilupp tal-kitba u tal-qari ta’ min hu dyslexic.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol qalet li dan hu wieħed biss mis-servizzi speċjalizzati li l-Gvern joffri lill-istudenti tagħna li għandhom diffikultajiet fit-tagħlim. Fil-fatt id-Direttorati tal-Edukazzjoni għandhom Dipartiment sħiħ – dak tas-Servizzi għall-iStudent - li jagħmel ħidma siewja ħafna ma’ diversi studenti oħra.
F’dan id-Dipartiment hemm 134 Guidance Teachers, 13 Trainee Counsellors, 15 Trainee Career Advisors, 13 Educational Psychologists, 4 Prefect of disciplines, 7 Counsellors, 11 Social Workers. Dan barra 2082 LSAs (1500 fi skejjel tal-Gvern) li jagħtu servizz lil 3231 studenti fl-iskejjel tal-Istat u tal-Knisja.
Id-Dipartiment għas-Servizzi tal-Istudent hu responsabbli għat-tmexxija ta’ 13-il Nurture Group fi skejjel primarji u 19-il-Learning Support Zone fi skejjel sekondarji; li School Psychological Service – is-sena li għaddiet din it-taqsima għalqet 828 każ li kienu riferuti lilha u rċiviet 684 talba ġdida għas-servizzi tagħha.
It-taqsima tmexxi wkoll is-Safe Schools Programme li jikkonsisti f’Servizz għas-Sigurta tat-Tfal, ħidma kontra l-Abbuż mis-Sustanzi u ħidma kontra l-Bullying. Tieħu ħsieb l-Education Medical Services u kuljum tamministra mediċini lil 120 student li jattendu fl-iskejjel tal-Gvern; tmexxi il-Unit Għożża fejn jattendu studenti tfajliet li se jsiru ommijiet; toffri Counselling u Career Guidance Services u s-servizz ta’ Social Workers fl-iskejjel.
Iċ-Ċentri ta’ Riżorsi li ħadu post l-Iskejjel Speċjali ukoll jitmexxew mit-Dipartiment għas-Servizzi tal-Istudent li jieħu ħsieb ukoll joffri għajnuna lil sudenti li għandhom diffikulta fil-vista (22 student); lil dawk b’diffikulta fis-smiegħ (83 student); is-servizz ta’ Early Intervention ma’ tfal minn eta’ żgħira ħafna (645 każ). 15-il tifel u tifla li minħabba mard ma setgħux jattendu l-iskola għal perjodi twal irċivew it-tagħlim fid-dar tagħhom stess.
L-ACTU – Access to Communication and Technology Unit, matul is-sena li għaddiet tat servizz lil 250 student b’livelli differenti ta’ diffikultajiet akuti; filwaqt li 140 student ieħor sabu l-għajnuna tal-Autism Spectrum Support Team u 81 student ieħor ngħataw servizz minn tim apposta li jgħin f’każi ta’ studenti b’diffikultajiet fl-imġieba soċjali jew emozzjonali.
Il Ministru Cristina kienet akkumpanjata mill-Assistent Parlamentari fi hdan il-ministeru, l-Onor. Stephen Spiteri flimkien mas-Sinjura Gonzi.
Other Press Releases:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en