Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. CHRIS SAID, MINISTRU TAL-ĠUSTIZZJA, KONSULTAZZJONI PUBBLIKA U L-FAMILJA, WAQT IL-KONFERENZA `THE DISADVANTAGED CHILD – PROBLEMS AND SOLUTIONS` ORGANIZZATA MILL-YMCA HOMELESS AND CELEBRITIES FOR KIDS – SLIEMA, 7 TA’ FRAR 2012

pr0250
Date Icon 07/02/2012

Sinjuri,

L-għodwa t-tajba. Nibda billi nirringrazzja lill-organizzaturi - YMCA Homeless u Celebrities for Kids – għax-xogħol siewi li jagħmlu u għas-servizzi li joffru. Dan il-pajjiż jibqa’ jimmeraviljani għan-numru kbir ta’ għaqdiet u individwi li fil-ħin liberu tagħhom, flok joqogħdu d-dar, jagħmlu xogħol volontarju biex jgħinu lil ħaddieħor.

Il-volontarjat hu vokazzjoni. Ix-xogħol u l-ammont kbir ta’ siegħat dedikati għall-volontarjat huma imprezzabbli u ma nistgħux nikkalkulawhom.  Mhux faċli tikkwantifika l-flus li jkollok bżonn biex tħallas lil dawk il-mijiet u l-eluf li f’pajjiżna jagħtu ħinhom għal ħaddieħor, bla interessi. Minbarra li nirringrazzjaw lil dawk li jxammru l-kmiem, irridu ngħidu grazzi wkoll lil dawk li jdaħħlu jdejhom fil-but biex jagħtu d-donazzjonijiet u li permezz t’hekk jagħtu ċ-ċans lil dawn l-organizzazzjonijiet jibqgħu jaħdmu u jgħinu lil ħaddieħor.

L-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-għaqdiet ma jaħdmux f’vakum.  Joperaw fil-kuntest ta’ strutturi mwaqqfin mill-Gvern b’liġijiet li jgħaddu mill-Parlament.  Is-servizzi offruti mill-NGOs jikkumplimentaw dawk offruti mill-Gvern. It-tnejn għandhom bżonn lil xulxin, iridu jaħdmu mhux biss b’mod parallel iżda wkoll id f’id.  Jekk jirnexxielna nagħmlu dan, jirnexxielna nilħqu lil kulħadd.

Illum qed nitkellmu dwar it-tfal żvantaġġjati.  Niddikjara minnufih li fis-settur tat-tfal u l-ħarsien soċjali, il-Gvern huwa impenjat li jkompli joffri l-aħjar servizzi biex dawk kollha li jeħtieġu appoġġ jingħataw l-aħjar servizz possibbli, immirat għall-bżonnijiet speċifiċi tal-individwu.  U se nelenka wħud mill-inizjattivi li qed nieħdu u li se nkunu qed nieħdu biex inkomplu nilħqu dan l-għan tagħna.

Fil-bidu ta’ Novembru li għadda nidejna l-Politika Nazzjonali tat-Tfal u ħriġnieha għall-konsultazzjoni pubblika. Din il-Politika tħares lejn diversi temi, tagħmel numru ta’ rakkomandazzjonijiet u tipproponi numru ta’ inizjattivi bl-għan aħħari jkun dak li nkomplu ntejbu l-kwalitá tal-ħajja tat-tfal. Wara l-perjodu ta’ konsultazzjoni li se jieħu ħames xhur, dan l-Abbozz se jiġi rivedut biex joħroġ id-dokument finali. Flimkien ma’ dan id-dokument se joħroġ ukoll pjan ta’ azzjoni strateġiku biex il-miri stabbiliti jintlaħqu.

F’qasir żmien, b’mod parallel mal-konsultazzjoni tal-Politika tat-Tfal, se jkun qed jitwaqqaf grupp ta’ ħidma li se jkun qed jaħdem fuq l-Att dwar it-Tfal u ż-Żgħażagħ. Nieħu din l-okkażjoni biex nistieden lil dawk kollha li jixtiequ jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom fuq kif dan l-Att jista’ jħares aħjar l-interessi tat-tfal, biex jersqu ‘l quddiem. Nemmen li minbarra l-qoxra li toffri l-liġi nnifisha, huwa importanti li naraw il-qafas ta’ kif din il-liġi se tkun qed itejjeb il-kwalitá tal-ħajja tat-tfal. Għaldaqstant huwa importanti li nenfasizzaw li l-għan ewlieni tagħna huwa li l-aħjar interess tat-tfal jitpoġġa fil-qofol, biex b’hekk it-tfal ikunu mħarsa bl-aħjar mod possibbli.

Tajjeb li nsemmu wkoll li fix-xhur li ġejjin se nkunu qed inressqu quddiem il-Parlament l-Att rivedut dwar id-Dipartiment tal-iStandards u l-Ħarsien Soċjali. Dan l-Att huwa propju l-framework regolatorju għas-servizzi tal-ħarsien soċjali. L-għan ta’ din ir-reviżjoni huwa propju li jkollna qafas regolatorju li jwassal biex is-servizzi kollha ta’ ħarsien soċjali jkunu tal-aħjar kwalità hekk kif inhu xieraq.

Il-Gvern huwa kommess li jkompli jżid in-nefqa tiegħu għal tfal l-aktar fil-bżonn speċjalment dawk li jkunu jinħtieġu protezzjoni.  Għalhekk din is-sena, in-nefqa f’dan il-qasam qed tiżdied b’aktar minn nofs miljun ewro.  Minbarra din in-nefqa, l-Agenżija Sapport se tiftaħ servizz residenzjali ġdid għat-tfal b’diżabilità f’Birżebbuġa.   Din se tkun dar fil-komunità li tilqa’ tfal b’diżabilità u li għandhom imġiba diffiċli. B’hekk tfal li jkunu fil-Young People’s Unit ikunu jistgħu wkoll jibbenefikaw iktar minn dan is-servizz residenzjali.

Fil-qasam tal-protezzjoni soċjali, l-Aġenzija APPOĠĠ hija impenjata li tkompli toffri servizzi ta’ ħarsien għal tfal, familji, persuni li jesperjenzaw vjolenza domestika, kif ukoll individwi li għandhom problema minħabba vizzji u abbużi.

Ma rridux ninsew li fis-snin li għaddew żidna l-investiment fi programmi li joffru out-of-home-care, sabiex fejn hu possibbli nagħtu l-opportunità lit-tfal li jgħixu f’ambjent ta’ familja. Dan jista’ jsir permezz ta’ addozzjoni kif ukoll fostering; żewġ servizzi li l-Gvern se jkompli jsaħħaħ bl-għan li t-tfal jingħataw l-aħjar tfulija possibbli. Dwar l-addozzjonijiet, bdejna proċess ta’ konsultazzjoni interna sabiex innaqqsu r-restrizzjonijiet li jeżistu bħalissa u nassiguraw li nagħtu l-possibilita’ lil aktar tfal jitrabbew f’ambjent ta’ familja.

Kif kulħadd jaf, minn din is-sena żidna l-leave tal-maternità b’ġimgħatejn għal 16-il ġimgħa u s-sena d-dieħla dan se jiżdied għal 18-il ġimgħa.  Il-mezzi tax-xandir iffukaw fuqu għaliex fis-soċjeta’ tagħna jappella għall-maġġoranza.  Madanakollu tajjeb inżid li minn din is-sena żidna wkoll il-leave tal-addozzjoni għal 16-il ġimgħa. Sa issa, iż-żieda fil-leave tal-addozzjoni tgħodd għall-ħaddiema fis-settur pubbliku. Mill-esperjenza personali nista’ nifhem kemm hu importanti perjodu estiż ta’ bonding bejn il-ġenituri u l-wild, bejn l-omm u t-tifel jew it-tifla, anki fil-każ tal-addozzjoni.

Dwar l-Out-of-Home Care, nixtieq inżid li bħalissa għandna 417-il tifel u tifla li qed jingħataw saqaf fuq rashom: nofshom fostered u nofshom għandhom placement f’dar residenzjali.  Matul is-sena li għaddiet dħalna għal ftehim ġdid mal-iskola St. Patrick’s, li permezz tiegħu l-Gvern u s-Sależjani qed ikomplu jikkollaboraw fil-qasam tal-edukazzjoni u l-kura residenzjali ta’ adoloxxenti subien. Fil-Baġit ta’ din is-sena komplejna ninvestu fis-settur tal-ħarsien soċjali b’żieda fil-baġit iddedikata għal High Support Services. Permezz ta’ dan l-investiment se noffru servizzi ta’ care workers personalizzati mat-tfal li jkunu qed juru mġiba diffiċli. Bil-mod il-mod irridu nitbegħdu mill-kunċett ta’ servizz l-istess għal kulħadd filwaqt li nibdew noffru servizz personalizzat skont il-ħtiġijiet tal-individwu.

Barra minn hekk, żdiedet l-għajnuna lill-programmi Fejda u Jeanne Antide li se jiġu megħjuna sabiex titjieb l-infrastruttura u sabiex l-operat ta’ dawn id-djar jilħaq l-istandards nazzjonali tad-djar residenzjali tat-tfal. Dawn jinkludu kemm l-infrastuttura fiżika kif ukoll l-operat immexxi minn professjonisti speċjalizzati fil-qasam.  Fil-fatt din is-sena se nagħtu bidu sabiex dawn iż-żewġ faċilitajiet jimxu fi djar ġodda fil-komunità. 

Tkellimt ħafna dwar il-kura u l-ħarsien tat-tfal u ż-żgħażagħ.  Il-kura u l-ħarsien biss mhux biżżejjed. Lil dawn it-tfal u ż-żgħażagħ irridu nippreparawhom għad-dinja reali.  Dinja li fiha jridu jaħdmu biex jaqilgħu l-għixien tagħhom b’mod indipendenti u biex għada pitgħada jipprovdu għall-familja tagħhom ukoll.

Il-Fondazzjoni għas-Servizzi għall-Ħarsien Soċjali toffri diversi servizzi biex tilħaq lill-persuni li huma żvantaġġjati fis-soċjetà – anki billi tgħinhom isibu impjieg.  Bħala eżempju wieħed nista’ insemmi l-proġett Embark for Life – programm ko-finanzjat bil-Fond Soċjali Ewropew – li jiffoka b’mod speċifiku biex jgħin żgħażagħ bejn is-16 u l-24 sena jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom, jintegraw fis-soċjeta’ u jsibu impjieg.  B’baġit ta’ kważi miljun ewro, bħalissa hemm ‘il fuq minn 160 żagħżugħ li qed jibbenefikaw minn dan il-proġett.

Eżempju ieħor. Għall-pre-adoloxxenti fil-Kottonera, l-Aġenzija Appoġġ qed tmexxi proġett li permezz tiegħu qed tgħin tfal imfarfrin biex jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom.  Dawn it-tfal, sa ċertu punt, huma ftit aktar ixxurtjati għax qed nippruvaw nilħquhom minn qabel bit-tama li jintegraw ruħhom fis-soċjetà f’età aktar kmieni u aħjar.

Fl-iskejjel tagħna qed nintervjenu b’diversi modi wkoll.  Illum kulħadd hu familjari mar-rwol tal-Learning Support Assistants. Il-Gvern joffrihom għal tfal li jinħtieġuhom fl-iskejjel tiegħu.  U jħallas biex skejjel privati u tal-Knisja jimpjegaw LSA’s ukoll.  Għal din is-sena żidna l-allokazzjoni għal studenti fi skejjel privati li għandhom bżonn LSA b’400,000 ewro.  Għal dawk it-tfal li ġejjin minn familji żvantaġġjati, ħloqna ċ-Children’s Fund – fond li jintuża biex jgħin tfal jattendu attivitajiet extra-kurrikulari u ħarġiet ma’ sħabhom l-oħra tal-iskola.

F’dawn il-ftit minuti li kelli għad-dispożizzjoni tiegħi ppruvajt nitfa’ xaqq dawl fuq is-servizzi li joffru l-Gvern u l-Aġenziji tiegħu. Servizzi li huma importanti ħafna u li kull sena qed inkomplu inżidu l-investiment fihom. Dan l-investiment qed iwassal biex ikollna bżonn dejjem aktar professjonisti mħarrġa, social workers, community workers u l-bqija, għaliex bil-ħidma u s-servizz tagħhom nistgħu nassiguraw li nilħqu bl-aħjar mod lill-persuni żvantaġġjati li għandna fis-soċjetà.

Mill-ġdid nirringrazzja lill-YMCA Homeless u Celebrities for Kids għall-ħidma tagħhom.  F’dan il-kuntest tajjeb nirrimarka li Celebrities for Kids hi l-ewwel NGO li għandna f’pajjiżna li qed taħdem b’mod esklussiv favur id-drittijiet tat-tfal kollha. Inwiegħed l-impenn tiegħi u l-għajnuna tal-Gvern biex flimkien noffru l-aħjar lil dawk it-tfal kollha li għandhom bżonn l-appoġġ u s-sostenn.

Grazzi ħafna.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  Report by the Auditor General on the Workings of Local Government for the year 2025

PR262016en

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE Report by the Auditor General o...

More Press Releases Right arrow