43, 747 OPERAZZJONI FL-ISPTAR MATER DEI FL-2011
Matul is-sena li għaddiet, għal-darb’oħra, inqabeż in-numru ta’ operazzjonijiet li kienu saru is-sena ta qabel. Fil-fatt, matul l-2011, fl-Isptar Mater Dei saru total ta’ 43,747 operazzjoni.
Dan ifisser żieda ta’ 1,952 operazzjoni fuq is-sena 2010.
Dan huwa l-akbar numru ta’ operazzjonijiet li qatt saru f’pajjiżna f’sena waħda, u jkompli jikkonferma l-passi ‘il quddiem li saru fl-ippjanar tal-operazzjonijiet.
Sa minn mindu nfetaħ l-Isptar Mater Dei, in-numru ta’ operazzjonijiet żdied b’mod drastiku. Fil-fatt fl-2007 in-numru ta’ operazzjonijiet kien dak ta 32,746, li jfisser 11,001 operazzjoni inqas min dak li saru s-sena li għaddiet.
Iż-żieda fin-numru ta’ Operazzjonijiet matul l-2011 kienet konsistenti f’kull xahar tas-sena, u kien hemm żieda sostanzjali fix-xhur ta’ Jannar u Ottubru.
Matul l-2011, minn total ta’ 43,747 operazzjoni, saru 6,948 operazzjoni ta’ emerġenza u 36,799 operazzjoni ppjanata. Fl-2010 kienu saru 41,795 operazzjoni, li minnhom 6,448 kienu proċeduri ta’ emerġenza u 35,347 kienu proċeduri ppjanati.
Dan ifisser li fl-2011 saru 500 proċedura ta’ emerġenza, u 1,452 operazzjoni pppjanata aktar mill-2010.
Il-Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità, Joe Cassar, wera s-sodisfazzjon għal dan ir-riżultat eċċellenti. Huwa spjega kif dawn iċ-ċifri jfissru wkoll li qed titwettaq wegħda oħra elettorali, u ċioè li jitnaqqas il-ħin ta’ stennija għall-operazzjonijiet. Il-Ministru enfasizza li dan huwa riżultat ta’ inizjattivi li ttieħdu f’waqthom fl-aħħar snin sabiex isir użu aħjar mit-Teatri matul il-ġurnata.
Il-Ministru Joe Cassar irringrazzja lill-professjonisti kollha tal-Isptar Mater Dei li ħadmu flimkien biex, għal darb oħra, ikompli jiżdied b’mod sostanzjali n-numru ta’ operazzjonijiet. Dan kollu fl-interess tal-pazjent.
Other Press Releases:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en