Left arrow Go Back

INSAĦĦU ‘L ĦADDIEM B’AKTAR XOGĦOL U OPPORTUNITAJIET TA’ TAĦRIĠ

pr0236
Date Icon 04/02/2012


Iż-żieda fil-leave tal-maternità bdiet tgħodd mill-1 ta’ Jannar

L-istrateġija tal-Gvern dwar ix-xogħol u t-taħriġ qed tagħti r-riżultati. Fl-2011, il-ħaddiema full-time li jaħdmu bi qligħ missew il-150,000. Fit-tnax-il xahar li għaddew inħolqu 6,000 impjieg ġdid. Malta għandha l-ħames l-anqas rata ta’ qgħad, u r-raba’ l-anqas rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ meta mqabbla mal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

Waqt konferenza dwar ix-xogħol bit-tema ‘Insaħħu ‘l Ħaddiem’, bħala parti mill-Premju Nazzjonali Ħaddiem tas-Sena 2012, il-Ministru għall-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Chris Said sostna l-impenn tal-Gvern li jimxi fuq il-miri stabbiliti mill-Unjoni Ewropea biex aktar żgħażagħ, b’mod partikolari dawk li jispiċċaw mill-iskola ta’ 16-il sena, ikomplu jitħarrġu.

Chris Said qal li pajjiżna ilu s-snin jaħdem fuq din il-linja.  Bejn l-2009 u l-2011, il-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ organizzat 2,775 kors differenti u ħarrġet 32,000 li terz minnhom huma nisa.  Dawn il-korsijiet jiġu organizzati grazzi għall-fondi miksuba mill-Fond Soċjali Ewropew.

Permezz tal-Employment Aid Programme, l-ETC għenet 1,000 kumpanija jimpjegaw 2,346 ħaddiem fosthom 1,035 mara u 515 Għawdxi.  Permezz tal-Work Trial Scheme, 989 ruħ ingħataw esperjenza ta’ xogħol u tħallsu għal 20 siegħa fil-ġimgħa. 

Il-Community Work Scheme għenet 222 ruħ fosthom 60 mara, li kienu ilhom jirreġistraw għal tul ta’ żmien, biex jaħdmu fil-komunita’.  Għal dan ix-xogħol huma qed jirċievu ħlas addizzjonali fuq il-benefiċċju tal-qgħad. Il-Youth Employment Programme, maħsub biex jgħin żgħażagħ jakkwistaw il-ħiliet neċessarji u jkunu kapaċi jsibu xogħol, diġa għen ‘il fuq minn 5,300 ruħ.

Permezz tal-ESF Employability Programme, matul l-2011, aktar minn 15,000 ruħ ingħataw xi forma ta’ taħriġ mil-livell bażiku sa sussidju fuq taħriġ akkademiku.  In-nisa li gawdew minn dan il-programm żdiedu b’27 fil- mija fuq is-sena ta’ qabel.

Il-Ministru Chris Said elenka wkoll l-inizjattivi li qed jittieħdu mill-Gvern biex isaħħu ‘l ħaddiem fuq il-post tax-xogħol.  Fost l-oħrajn hu semma kif tul din il-leġislatura saru emendi u kienu ppubblikati 33 Avviż Legali li permezz tagħhom komplew jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema part-time, tan-nisa u tal-ħaddiema b’kuntratti temporanji ma’ aġenziji.

Hu semma kif fl-għaxar snin li għaddew in-nisa li jaħdmu żdiedu bi 12,000 – minn 32 fil-mija għal 40.5 fil-mija. Ir-riżultati huma inkoraġġanti iżda jinħtieġ li aktar nisa jipparteċipaw fid-dinja tax-xogħol.  Kien għalhekk li mill-bidu ta’ din is-sena, il-leave tal-maternità żdied għal 16-il ġimgħa.  In-nisa li fi tmiem l-2011 kienu bil-leave tal-maternità, awtomatikament bdew igawdu minn din iż-żieda ta’ ġimgħatejn. Il-leave tal-maternità se jiżdied għal 18-il ġimgħa mill-1 ta’ Jannar li 2013.  Il-Ministru Chris Said qal ukoll li l-leave tal-adozzjoni, għall-ħaddiema fis-settur pubbliku, wkoll żdied għal 16-il ġimgħa.

Barra minn hekk diġà daħlu fis-seħħ avviżi legali li permezz tagħhom qed tkompli titħares il-mara fuq il-post tax-xogħol. Matul it-tqala, ommijiet li jkunu għadhom fuq probation, ma jistgħux jitkeċċew mix-xogħol mingħajr raġuni valida u bil-miktub.  Fuq kollox, matul it-tqala u sa sena wara t-twelid tat-tarbija, omm ma tistax tkun obbligata tagħmel sahra.

Dwar il-ħaddiema part-time, il-Ministru Chris Said qal li dawn ingħataw id-dritt pro-rata għal-leave, sick leave u benefiċċji oħra, anki jekk il-ħaddiem ikun impjegat f’aktar minn impjieg wieħed fuq bażi part-time.  Fuq kollox, fil-kuntratti tal-Gvern iddaħħlet klawsola li tispeċifika li kuntrattur li jirbaħ tender tal-Gvern hu obbligat li jimxi mal-kundizzjonijiet tal-Liġi dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali.

Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mill-ekonomista Amanda Borg u mit-trejdunjonista Gejtu Vella. Indirizzawha wkoll iċ-Chairman tal-Premju Nazzjonali Ħaddiem tas-Sena Frans Borg, mir-rebbieħa tal-edizzjoni tal-2011 Vickie Gauci u minn Joseph Debono li fl-istess sena kiseb ‘special mention’. 

Din is-sena s-serata finali tal-Premju Nazzjonali Ħaddiem tas-Sena se ssir f’April f’Għawdex.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  Report by the Auditor General on the Workings of Local Government for the year 2025

PR262016en

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE Report by the Auditor General o...

More Press Releases Right arrow