Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ

pr0230
Date Icon 03/02/2012

L-Oppożizzjoni għal darb’oħra bla soluzzjonijiet


Il-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità jirreferi għall-istqarrija maħruġa mid-Deputat Laburista Marie Louise Coleiro Preca.  Hu ċar li l-Oppożizzjoni ma għandha l-ebda viżjoni għal qasam tas-sahha.  L-Oppożizzjoni tinjora r-realtajiet f’dan il-qasam fosthom iż-żieda fis-servizzi tas-saħħa u anki l-avvanzi li qed isiru riżultat tal-kura li qed tingħata.  Dan l-avvanz fil-kura qiegħed iwassal biex l-età medja tal-Maltin u l-Għawdxin qed tiżdied.  Il-Gvern qiegħed jirrispondi għal dan it-tibdil, b’inizjattivi konkreti u b’tisħiħ tas-servizzi li jingħataw.

Fid-Dipartiment tal-Emerġenza jidħlu medja ta’ 300 persuna kuljum.  Minn dawn it-300, medja ta’ 66 ikollhom bzonn kura fl-Isptar Mater Dei filwaqt li numru sostanzjanli ikunu jistgħu jinqdew miċ-Ċentri tas-Saħħa jew mit-tobba tal-familja mingħajr il-ħtieġa li jmorru fid-Dipartiment tal-Emerġenza.  Minkejja li dawn jistgħu jinqdew fil-komunità, xorta waħda jiġu invistati fid-Dipartiment tal-Emerġenza.   Madanakollu l-prijorità tingħata lil persuni li jkollhom bżonn vista jew attenzjoni aktar immedjata minħabba n-natura tal-uġiegħ jew tal-inċident.

Matul l-aħħar xhur fid-Dipartiment tal-Emerġenza ttieħdu diversi inizjattivi biex il-pubbliku jinqeda aktar malajr.  Irduppjaw il-konsulenti fid-Dipartiment li żdiedu għal 7.  Żdiedu 20 sodda oħra viċin id-Dipartiment tal-Emerġenza fejn jinżammu il-pazjenti li jkollhom bżonn osservazzjoni. Fix-xhur li ġejjin se jiżdiedu 16-il sodda oħra.  Ix-xogħol relatat għaddej bħalissa.

Saret reviżjoni tal-mod kif jitqassmu u jintużaw is-sodod fl-Isptar Mater Dei u bħala riżultat persentaġġ akbar ta’ pazjenti li jeħtieġu kura akuta qed jingħataw sodda aktar malajr.  Dan fisser użu massimu tar-riżorsi tal-isptar, u serva daqs li kieku inħolqu 42 sodda ġodda oħra.

Inħolqot Discharge Lounge fejn pazjenti li jkunu mibgħuta d-dar mill-konsulenti tagħhom ikun jistgħu jistennew lill-qraba tagħhom f’ambjent rilassanti minflok fis-sodda tas-sala.  Dan fisser li sodod fis-swali qed jintużaw aħjar f’kull ħin.  Minn mindu infetħet, fil-21 ta’ Marzu tas-sena l-oħra, din id-Discharge Lounge intużat minn il-fuq minn 2,000 pazjent. 

Il-Gvern investa fil-Comm Care li tipprovdi kura lil persuni fil-komunità u allura kemm jista’ jkun jiġi evitat il-bżonn li dawn il-pazjenti jingħataw kura fl-isptar.  Qed jiġu introdotti servizzi fil-komunità oħra li jevitaw li pazjent jokkupa sodda għal servizz li jista jieħu barra mill-isptar (bħal dak tal-Uroloġija). 

Sar arranġament kuntrattwali ma entitajiet privati sabiex numru sostanzjali ta’ pazjenti jagħmlu operazzjonijiet fil-privat.

Żdiedu wkoll in-numru ta’ sodod f’residenza għall-anzjani.  Fil-fatt matul dawn l-aħħar 4 snin il-Gvern żied aktar minn 600 sodda f’dan ir-rigward.   Fil-jiem li ġejjin se jinfetaħ l-Isptar Zammit Clapp bħala nursing home li se jkun qiegħed jakkomoda 100 pazjent

Matul is-snin komplew jiżdiedu is-servizzi fl-Isptar Mater Dei, u fil-fatt is-sena li għaddiet fl-Isptar Mater Dei ġew offruti aktar minn 9,000,000 servizz.

L-Oppożizzjoni Laburista qed turi li ma għandha l-ebda viżjoni għal qasam tas-saħħa.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  Report by the Auditor General on the Workings of Local Government for the year 2025

PR262016en

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE Report by the Auditor General o...

More Press Releases Right arrow