L-AWTORITÀ GĦALL-KOMPETIZZJONI U L-AFFARIJIET TAL-KONSUMATUR TIBBENEFIKA MINN FONDI TAL-UNJONI EWROPEA SABIEX TĦARREĠ L-UFFIĊJALI TAGĦHA
‘Il fuq minn ħamsin uffiċjal li jiffurmaw parti mill-Awtorità għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur se jkunu qed jingħataw taħriġ intensiv bl-għan li jiġi konsolidat ir-rwol tagħhom u anki sabiex ikunu jistgħu jaqdu lill-konsumatur u l-kummerċjant bl-aħjar mod possibli.
Dan spjegah dalgħodu fil-Belt Valletta, il-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur Jason Azzopardi, waqt konferenza stampa li ġiet organizzata mill-Awtorità għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur rappreżentata miċ-Chairman tal-Awtorità l-Inginier Francis Farrugia.
Il-Ministru Azzopardi spjega li t-taħrig huwa 85% iffinanzjat mill-ESF funds tal-Unjoni Ewropea u l-proġett globali jammonta għal valur ta’ 542,649 Ewro.
“Dan it-taħriġ se jkun strumentali sabiex jikkonsolida r-rwol tant importanti li jħaddnu dawn l-uffiċjali”, sostna l-Ministru.
Fl-introduzzjoni tiegħu l-Inginier Farrugia spjega li l-Awtorità bħalissa qed taħdem fuq diversi proġetti fosthom semma li qed isiru xi spezzjonijiet fuq xi pompi tal-petrol u mwieżen bħal dawk tal-Ajruport u Supermarkets fejn sar eżerċizzju li permezz tiegħu tnaqqsu l-prezzijiet ta’ 176 mediċina.
Il-Ministru Azzopardi spjega wkoll kif parti mill-fondi se jiġu użati sabiex tiġi organizzata kampanja ta’ informazzjoni biex tqajjem kuxjenza fost il-konsumaturi u l-kummerċjanti. Din se ssir permezz ta’ riklamar kontinwu fuq it-televizjoni, fejn l-Awtorità se tkun qed tippromwovi fost firxa kbira ta’ nies, id-drittijiet u r-responsabbilità li l-konsumatur iħaddan. “Irridu illi l-konsumatur jinqeda bl-aqwa mod possibbli u jkun infurmat dwar x’inhuma d-drittijiet tiegħu l-ewwel u qabel kollox” sostna l-Ministru.
Huwa spjega li kemm it-taħrig kif ukoll l-kampanja edukattiva se jibdew dalwaqt u li l-proġett kollu se jkun mifrux fuq sentejn.
It-taħriġ fl-uffiċċju tal-Kompetizzjoni se jkun iffukat sabiex primarjament l-uffiċjali jaraw li ma jsirux abbużi b’mod partikulari f’dak li jirrigwardja intrapriżi dominanti fis-suq jew kartell u dan għad-detriment tal-konsumatur u l-kummerċjanti nfushom.
F’dak li jirrigwarda t-taħriġ għall-uffiċjali fl-uffiċċju tal-konsumatur, dawn se jkunu qed jaħdmu sabiex jippromwovu djalogu bejn il-konsumatur u l-kummerċjant u jaraw kif jistgħu jirranġaw d-diżgwid u l-problemi li jinqalgħu bejniethom.
Il-Ministru faħħar l-inizjattiva tal-Awtorità li torganizza dan it-tip ta’ taħriġ u saħaq li dan se jservi għall-infurzar aħjar tal-liġijiet li jaqgħu taħt dawn l-uffiċċji, kif ukoll joħloq medjazzjoni aktar effettiva bejn il-konsumatur u l-kummerċjant.
Huwa semma wkoll l-importanza li tiġi mħaddna t-“Trust You scheme” fost in-negozjanti. Din l-iskema ġiet imnedija sabiex toħloq iżjed armonija u fiduċja bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ. Spjega li permezz ta’ din l-iskema, il-kumpaniji jkunu qed jiddikjaraw li sejrin jonoraw ‘Kodiċi ta’ Kondotta’ maħruġa mill-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur. B’dan il-mod il-konsumatur se jkollu l-interessi tiegħu salvagwardjati.
Fl-aħħar nett il-Ministru Azzopardi rrimarka li qed jiġi kkalkulat u previst illi wara li jitlesta dan it-taħrig, il-każijiet solvuti kif ukoll l-ispezzjonijiet fuq il-moniteraġġ tal-prezzijiet se jiżdiedu.
Other Press Releases:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en