INĊENTIVI GĦAL PRODUZZJONIJIET AWDJO-VIŻIVI MALTIN BL-GĦAN LI JISSAĦĦAĦ IT-TKABBIR TAL-INDUSTRIJA MALTIJA TAL-FILMS
Tmien produtturi ta’ films Maltin qed jibbenefikaw bejniethom minn €184,500 mill-Malta Film Fund għall-2011. Dawn il-proġetti jinkludu feature films, animation feature, films qosra u dokumentarju. Il-preżentazzjoni taċ-ċertifikati saret mill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment Tonio Fenech u mill-Ministru għat-Turiżmu, il-Kultura u l-Ambjent Mario De Marco.
Il-Ministru Fenech qal li f’dawn l-aħħar tliet snin, il-Gvern investa madwar €700,000 fil-Malta Film Fund li hija mmirata lejn it-tkattir tal-produzzjonijiet ta’ films lokali u lejn it-titjib fil-kwalita’ tal-qasam awdjo-viżiv lokali. Huwa sostna kif filwaqt li huwa tajjeb li pajjiżna qed jattira numru importanti ta’ produzzjonijiet internazzjonali ta’ kalibru, huwa ta’ sodisfazzjon għall-Gvern li jappoġġja lit-talent lokali biex iwettqu produzzjonijiet awdjo-viżivi. Dan iwassal biex jissaħħaħ it-talent fis-settur f’pajjiżna u jgħin biex ikompli jpoġġi l-Malta fuq il-mappa kulturali internazzjonali.
Il-Ministru Fenech spjega kif il-Malta Film Commission se tkun qed tgħin kontinwament lil dawn il-produtturi waqt l-iżvilupp u l-produzzjoni tal-films, features u dokumentarji tagħhom, anke permezz ta’ sessjonijiet speċjali ta’ monitoraġġ. Anke dawk il-produtturi li applikaw u ma ġewx allokati finanzjament mill-Fond ta’ din is-sena, il-Film Commission baqgħet iżżomm kuntatt magħhom biex tgħinhom jippreżentaw proġetti aħjar għall-edizzjoni li jmiss. Huwa żied jgħid li bħalissa għaddejjin ukoll korsijiet ta’ taħriġ organizzati mill-Film Commission fejn fil-preżent qed jieħdu sehem 30 parteċipant. Fix-xhur li ġejjin se jibdew sensiela ta’ korsijiet ġodda hands-on fosthom korsijiet għal location managers, line producers, unit production managers, fost oħrajn.
Tonio Fenech spjega li s-settur tal-films f’pajjiżna kompla jikber u jissaħħaħ fl-aħħar xhur b’attività kontinwa ta’ produzzjoni barranija ġewwa pajjiżna. Huwa fakkar li tul l-aħħar erba’ snin, f’pajjiżna nġibdu 65 produzzjoni, fosthom 26 film jew serje televiżiva, li ħallew fl-ekonomija madwar €105m barra li kkontribwew għall-ħolqien ta’ numru ta’ postijiet tax-xogħol f’pajjiżna. Il-Ministru ħabbar li f’April se tibda tiġi ffilmjata f’Malta l-mini-serje televiżiva Taljana ‘Come un Delfino’, bil-parteċipazzjoni ta’ Raoul Bova. Il-filming se jdum sejjer xahar u nofs, fejn Malta se tkun featured bħala tali f’din il-produzzjoni. Dan jissarraf fi promozzjoni importanti għall-pajjiżna, billi din is-serje se tintwera fuq Canale 5.
Il-Ministru għat-Turiżmu, il-Kultura u l-Ambjent qal li dan il-fond qed isaħħaħ il-qasam tal-films u qed iwassal biex artisti Maltin jagħmlu produzzjonijiet, b’xi wħud jipparteċipaw bihom f’festivals barranin. Mario de Marco qal li dan il-fond jingħaqad ma’ għad ta’ inċentivi fiskali oħra li qed jiġu investiti fis-settur kulturali u kreattiv fosthom l-Kreattiv, Culture Card, l-INVEX u l-Malta Arts Fund.
Other Press Releases:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en