Left arrow Go Back

FTUĦ TAĊ-CHILD CARE CENTRE “TGĦANNIQA”

PR0203
Date Icon 31/01/2012

Aktar minn 2000 tifel u tifla jattendu ċ-Child Care Centres...in-numru ta’ nisa jaħdmu żdied b’10% f’10 snin

Aktar minn 2,000 tifel u tifla fl-età taħt it-tliet snin jattendu f’Child Care Centres tal-Gvern jew tal-privat u dawn qed jgħinu biex aktar nisa jkunu jistgħu jirritornaw fid-dinja tax-xogħol tant li fl-aħħar 10 snin in-numru ta’ nisa jaħdmu żdied b’10 fil-mija.

Dan qalitu Dolores Cristina, Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol meta dal-għodu inawgurat it-“Tgħanniqa” - Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-Kura tat-Tfal - fil-Furjana.

F’dawn l-aħħar erba’ snin il-Gvern fetaħ Child Care Centres f’Bormla, is-Siġġiewi, Pembroke, Santa Venera, l-MCAST li żdiedu maċ-ċentri tal-Qawra, Birkirkara, il-Birgu u Ħal-Luqa, il-Għargħur u Raħal Ġdid.  Sadattant qed issir ħidma biex jinfetħu Child Care Centres oħra f’Ħal Qormi, l-Imsida, iż-Żurrieq u San Ġwann.

Iċ-Ċentru li nfetaħ illum se jilqa’ fih madwar 35 tifel u tifla.

Il-Ministru Cristina fakkret li llum it-tmexxija ta’ dawn iċ-Ċentri għaddiet f’idejn il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada li barra miċ-ċentri tal-Gvern tara wkoll li ċentri tal-privat ikunu jikkonformaw mal-istandards nazzjonali ta’ dawn iċ-ċentri biex ikunu jistgħu jieħdu benefiċċji li joffri l-Gvern.

Fakkret li żdiedu l-ħinijiet tal-ftuħ ta’ dawn iċ-ċentri biex dawk il-ġenituri li jaħdmu jkollhom moħħhom mistrieħ li sakemm jirritornaw mix-xogħol uliedhom huma indukrati minn persuni professjonali li qed jgħinuhom fl-iżvilupp tagħhom anke minn età hekk bikrija.

Il-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi kontinwament tfittex li tiżviluppa u ttejjeb is-servizzi li toffri f’dawn iċ-Ċentri. Fil-fatt, matul l-aħħar sena barra l-ħidma mat-tfal, saret ukoll ħidma sfieqa mal-ġenituri u l-familji ta’ dawn it-tfal.  Kienu organizzati diversi parent workshops għall-ġenituri fejn kienu diskussi temi varji dwar it-trobbija tat-tfal.

Il-Ministru qalet li servizz ġdid li beda jingħata f’dawn iċ-ċentri huwa dak tal-Pedjatra. B’kollaborazzjoni mal-Ministeru tas-Saħħa qed ikunu offruti s-servizzi ta’ Konsulent fil-Pedjatrija biex ikun jista’ jsir screening tat-tfal sa minn età bikrija, biex it-tfal jingħataw l-għajnuna kollha li jkollhom bżonn.

Barra minn dawn iċ-ċentri, il-Gvern permezz ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea nieda skema ta’ għajnuna għal faċilitajiet ta’ childcare tal-privat fejn organizzazzjonijiet privati jirċievu sapport finanzjarju f’forma ta’ fondi biex il-faċilitajiet taċ-Childcare jiġu introdotti, rilokati u mmodernizzati.

Bħalissa hemm 17-il organzzazzjoni li qed jibbenefikaw minn din l-għajnuna għaliex jikkonformaw mal-istandards nazzjonali li għandna għat-tmexxija ta’ dawn iċ-ċentri.

Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol fakkret li fl-aħħar Baġit il-Gvern reġa’ żied l-ammont ta’ tnaqqis ta’ taxxa għal €1300 fis-sena, għall-ġenituri li jibagħtu ‘l uliedhom f’ċentri privati tal-Kindergarten.

Preżenti għall-ftuħ taċ-ċentru “Tgħanniqa” kien hemm ukoll Stephen Spiteri, Assistent Parlamentari fil-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, il-Kummissarju għat-Tfal, Helen D’Amato, Uffiċjali tal-FES u mid-Direttorat tal-Edukazzjoni kif ukoll ġenituri tat-tfal li bdew jattendu dan iċ-ċentru.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  Report by the Auditor General on the Workings of Local Government for the year 2025

PR262016en

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE Report by the Auditor General o...

More Press Releases Right arrow