JIDĦOL FIS-SEĦĦ L-ATT DWAR IL-ĠUSTIZZJA RIPARATRIĊI
Illum fil-Gazzetta tal-Gvern ġie ppubblikat l-Avviż Legali 43 tal-2012 li permezz tiegħu qed jinġieb fis-seħħ l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi (Kap. 516) li bih pajjiżna ser ikun qiegħed iżid l-enfasi fuq ir-riparazzjoni, mingħajr ma jinsa l-element tal-kastig fil-konfront ta’ min ikun wettaq u instab ħati ta’ reat.
Il-mira prinċipali tal-liġi mhix dik li tara persuni kkundannati jinħelsu qabel, iżda li tassigura li min qiegħed fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin jingħata l-possibilità li jirriforma ruħu. Għalhekk il-Gvern mexa sabiex f’din il-liġi jkun hemm strutturi u mekkaniżmi differenti minn dawk li kienu jeżistu s’issa - miżuri li jibnu lilhom infushom fuq il-fus li l-parole, ir-remissjoni u l-possibilità ta’ maħfra Presidenzjali jitilqu minn fuq żewġ punti: l-ewwel, li min qiegħed fil-Faċilità jrid jirriforma ruħu; u t-tieni, li l-vittma tar-reat hija kkunsidrata u nfurmata b’dan.
Il-proċess li wassal għall-pubblikazzjoni tal-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi f’Jannar 2011 bħala abbozz ta’ liġi, u f’ Diċembru bħala Att approvat mill-Parlament, kien wieħed twil iżda ugwalment siewi u indispensabbli.
Il-proċess tnieda b’mod uffiċċjali fi Frar 2009 meta kienet ippublikata il-White Paper dwar il-Ġustizzja Riparatriċi. Il-proċess ta’ konsultazzjoni wara il-pubblikazzjoni tal-White Paper kien ta’ erba xhur, minn Frar sa Ġunju 2009. Matul dan iż-żmien Task Force li twaqqfet appożitament immexxija mis-Sur Joe Gerada ħadet ħsieb li żżomm laqgħat għal dawk interessati, kif ukoll evalwat il-bosta proposti u ideat li ġew sottomessi bil-posta jew bl-e-mail. Fi tmiem dan il-proċess, it-Task Force fasslet rapport li kien ippublikat fl-istess sena, liema rapport imbgħad serva sabiex ikun jista’ jiġi mfassal l-abbozz legali li eventwalment kien ippublikat f’ Jannar tas-sena li għaddiet.
Filwaqt li dan il-proċess kien bla dubju wieħed twil, dan kien essenzjali meta wieħed jikkunsidra li dan l-Att jinvolvi pass kbir fit-tranżizzjoni gradwali li pajjiżna għamel minn sistema punittiva għal waħda riparatriċi. Din il-liġi fil-fatt qed tindroduċi il-parole, is-sistema li tipprovdi għal ħruġ kmieni, iżda b’ kundizzjonijiet mill-ħabs. Il-kundizzjonijiet japplikaw kemm sabiex wieħed jakkwista il-parole, billi jsegwi pjan ta’ kura imfassal għalih mill-awtoritajiet kompetenti waqt li jkun miżmum fil-ħabs; kif ukoll billi jsegwi kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Bord tal-Parole biex jiġi rilaxxjat.
Qed tiġi wkoll rriformata is-sistema ta’ remissjoni li sa issa kienet tingħata lil kull priġunier sakemm dan iġib ruħu sew waqt li jkun qed jiskonta is-sentenza. L-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi qed ibiddel dan biex issa m’għadux biżżejjed li wieħed ma jaqlax inkwiet fil-ħabs, biex wieħed jinħareġ kmieni, iżda hawn ukoll ser ikun meħtieġ minnu li jsegwi l-pjan ta’ kura u juri li huwa tassew bniedem riformat bis-sħiħ biex jibbenefika mir-remissjoni.
Huwa naturali li riforma radikali għal pajjiżna bħal din la setgħet titwettaq mingħajr proċess ta’ konsultazzjoni xieraq, u lanqas mingħajr ma jsiru r-riformi fid-dipartiment konċernati mas-sistema penali.
Kien għal din ir-raġuni li l-Ministeru fl-aħħar snin wettaq riformi fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Dawn kienu jimxu fuq rakkomandazzjonijiet li saru f’rapport minn Bord ta’ Inkjesta li kien twaqqaf biex jeżamina is-sistemi amministrattivi tal-ħabs. L-ewwel twaqqfet sistema ġdida ta’ management, bil-ħatra ta’ managers responsabbli għas-sigurta’, l-operat u l-kura u reintegrazzjoni. It-tieni, inħatar Education Coordinator, u qed jkunu offruti diversi opportunitajiet edukattivi fil-Faċilità. Jidher ċar li dan ix-xogħol qed iħalli riżultat, hekk kif in-numru ta’ priġunieri li jipparteċipaw f’dawn il-programmi qed jikber kostantement.
Barra minn hekk, ix-xogħol jinsab għaddej sabiex isir Pjan ta’ Kura għal kull priġunier, liema pjan ikun eventwalment eżaminat u approvat mill-Offender Assessment Board, wieħed mill-bordijiet ġodda li se jinħatar skond l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi.
Saret ukoll riforma fi ħdan id-Dipartiment tal-Probation, li nqata mill-istruttura amministrattiva tal-ħabs u issa għandu Direttur tiegħu. Bid-dħul fis-seħħ tal-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi dan id-Dipartiment ser jibda jagħmel ukoll il-monitoraġġ ta’ dawk il-persuni li jingħataw il-parole. Minbarra li żdied l-ammont ta’ uffiċċjali tal-probation fid-Dipartiment, fl-aħħar xhur ukoll, numru ta’ Probation Officers ġew f’ kuntatt dirett ma’ dan u rċevew taħriġ barra minn pajjiżna. Aktar ‘l-quddiem dan id-Dipartiment ser ikollu wkoll fi ħdanu l-Unita’ għas-Support lill-Vittmi.
Filwaqt li diġà sar ħafna xogħol bi tħejjija għad-dħul fis-seħħ ta’ dan l-Att, għad baqa xi jsir. Il-Gvern għażel approċċ kawt fir-rigward ta’ din il-liġi. Għalkemm in-nuqqas tagħha fis-sistema legali tagħna kien jinħass, l-ewwel priorità tal-Gvern kienet li ssir liġi li filwaqt li toffri opportunità oħra lill-priġunieri, din tkun opportunità aċċessibli strettament biss għal min jaħdem għaliha.
Bid-dħul fis-seħħ illum tal-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi ser nidħlu fil-perijodu ta’ implimentazzjoni ta’ din il-liġi li ser isseħħ fuq medda ta’ żmien. Dan sabiex il-Gvern iwaqqaf l-istrutturi addizzjonali li huma meħtieġa, kif ukoll sabiex ikun żgurat li dawn l-istrutturi qegħdin jadewgaw ruħhom għal dan ix-xogħol ġdid.
Huwa fl-interess tas-soċjetà tagħna li kemm ir-remissjoni, li sallum kienet biss kondizzjonata għall-imġieba tajba fil-ħabs, kemm l-għoti tal-Parole, kif ukoll il-maħfra, tkun xi tkun ir-raġuni, ikunu marbuta u kkondizzjonati bir-riparazzjoni tad-dannu kif ukoll bit-turija ta’ bidla fl-atteġġjament lejn iż-żamma tal-ordni. L-Istat irid jiżgura li d-delinkwent jirripara u jirriforma għax dan ħa jkun ta’ ġid għall-individwu nnifsu u s-soċjetà kollha. Il-miżuri u proċeduri ġodda li qegħdin jiġu fis-seħħ bl-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi huma miżuri ta’ soċjetà serja - soċjetà li tiżgura li kulħadd iħallas ta’ għemilu u li l-ħtijiet jinħafru meta tkun saret ir-riparazzjoni sħiħa.
Other Press Releases:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en