PROGRAMM TA’ INVESTIMENT ESTENSIV U KONTINWU MILL-GVERN U L-KORPORAZZJONI GĦAS-SERVIZZI TAL-ILMA FAVUR SERVIZZ TA’ KWALITÀ LI JIXRAQILHOM IL-FAMILJI U L-INTRAPRIŻI TA’ PAJJIŻNA
Matul l-aħħar ħames snin il-Gvern u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma wettqu programm estensiv ta’ investiment li wassal biex din il-Korporazzjoni toffri servizz ta’ kwalità lill-familji u lill-intrapriżi Maltin fir-rispett tal-aqwa standards tal-kwalità u d-Direttivi tal-Unjoni Ewropea. Dan qalu l-Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment Tonio Fenech waqt żjara li għamel fil-laboratorji ta’ analiżi tal-Korporazzjoni fl-okkażjoni tal-20 sena mit-twaqqif tagħha.
Il-Ministru Fenech spjega li tul l-aħħar ħames snin il-Korporazzjoni investiet fis-sistemi tar-reverse osmosis b’mod li dawn saru aktar effiċjenti u għalhekk naqqsu l-konsum tal-enerġija, fit-tisħiħ tas-sistemi ta’ distribuzzjoni tal-ilma b’mod li titnaqqas il-ħela ta’ riżorsa prezzjuża li hija l-ilma u fil-bini tal-impjanti ta’ tisfija ta’ drenaġġ biex noffru kwalità tal-ilma ħafna aħjar lill-familji Maltin u lill-barranin li jżuruna.
Fost iċ-ċifri msemmija mill-Ministru Fenech, huwa spjega kif il-Korporazzjoni installat aktar minn 1070 kilometru ta’ mains ġodda jew mibdula. Dan wasslet biex kien hemm tnaqqis sostanzjali tal-ħela tal-ilma minn 4000 metru kubu fis-siegħa fis-sena 2000 għal 490 metru kubu fis-siegħa s-sena l-oħra. Huwa żied li l-Korporazzjoni tagħti importanza kbira lill-kwalità tal-ilma tant li s-sena l-oħra saru 58,792 testijiet fuq aktar minn 6,220 kampjun.
“Matul is-sena li għaddiet rajna wkoll wieħed mill-aktar investimenti importanti li sar mill-Gvern u l-Korporazzjoni, l-impjant f’Ta’ Barkat, li wassal biex pajjiżna jittratta d-drenaġġ kollu ġenerat mill-pajjiż. Dan l-investiment ta’ €85miljun kienet it-tielet investiment f’impjant ta’ dan it-tip wara dak fil-Mellieħa u Għawdex. Dan huwa investiment kbir fil-kwalità tal-ħajja tagħna, fl-ambjent iżda wkoll fl-ekonomija tal-pajjiż għaliex iħalli impatt partikolari fuq is-settur tat-turiżmu” spjega Tonio Fenech.
Il-Ministru żied jgħid li fil-preżent, għaddej ix-xogħol fuq il-pjan strateġiku għal ħames snin li ġejjin. L-enfasi għandu jkun fuq kif se ntejbu l-kwalità tas-servizz li noffru fost l-oħrajn b’investiment f’control room ġdida li x-xogħol fuqu għaddej bħalissa, l-investiment f’technical call centre ġdid biex jitjieb il-ħin li fih l-Korporazzjoni tirrispondi għal problemi, bħal leakages, kif ukoll proġetti futuri marbuta mat-tisfija tad-drenaġġ. Dwar dan tal-aħħar il-Ministru spjega li filwaqt li huwa tajjeb li d-drenaġġ kollu qed jiġi msaffi qabel jintrema l-baħar, issa l-Gvern u l-Korporazzjoni qed iħarsu lejn il-pass li jmiss biex dan l-ilma jista’ jsirlu trattament ulterjuri u naraw kif nistgħu nagħmlu użu aħjar minn din ir-riżorsa. F’dan is-sens, diġà għaddej proġett pilota f’Għawdex.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet tkellmu wkoll iċ-Chairman tal-Bord tal-Korporazzjoni Louis Giordimaina li ħabbar li wara perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika, illum ġie pubblikat Consumer Contract –kuntratt li l-Korporazzjoni qed tintrabat mal-konsumatur b’sensiela ta’ dmirijiet u drittijiet reċiproċi, fosthom livelli ta’ servizz, timeframes u aspetti oħra tal-ħidma tagħha biex tkompli tagħti xhieda tal-impenn ta’ kwalità lejn il-konsumaturi tagħha. Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv Marc Muscat ta ħarsa lejn il-kisbiet importanti tal-Korporazzjoni, li llum hija responsabbli mill-provvista tal-ilma f’aktar minn 220,000 household bejn Malta u Għawdex. Huwa tkellem dwar it-taħriġ kontinwu li jingħata lejn il-Korporazzjoni li llum laħqet livelli ta’ eċċellenza tant li tintalab minn entitajiet simili Ewropej għal għajnuna u konsulenza prattika fl-oqsma li topera fihom. Huwa rringrazzja l-ħaddiema kollha għad-dedikazzjoni u l-impenn tagħhom lejn din il-kumpanija.
Other Press Releases:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en