JITNIEDA PJAN GĦAS-SETTUR TAL-GĦADS BĦALA NIĊĊA TAS-SETTUR TURISTIKU
Is-settur tal-għads huwa niċċa tas-settur turistiku li jattirà madwar 60,000 turist fis-sena. Sabiex dan is-settur ikompli jitjieb l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) nediet pjan għall-konsultazzjoni pubblika li jinkludi strateġija ġenerali tas-settur kif ukoll analiżi tal-21 sit tal-għads f’Malta u Għawdex.
Waqt it-tnedija ta’ dan il-pjan, il-Ministru għat-Turiżmu, l-Kultura u l-Ambjent, Mario de Marco spjega li l-pjan sar wara proċess ta’ konsultazzjoni mal-persuni u entitajiet involuti fis-settur u issa qed jitnieda għall-konsultazzjoni pubblika ta’ erba’ ġimgħat. Hu qal li l-pjan jimmira lejn it-tisħiħ tas-settur tal-għads b’mod sostenibbli. Il-Ministru rrefera wkoll għall-fatturi li jelenka l-pjan bħala l-fatturi kkunsidrati minn turist li jkun jixtieq iżur pajjiż għad-diving. Hu qal li fost dawn il-fatturi hemm il-kwalità tal-ilma tal-baħar. Hu qal li pajjiżna qed ikollu riżultati pożittivi f’dan ir-rigward b’Malta tkun l-ewwel pajjiż fil-Mediterran li qed titratta d-drenaġġ kollu qabel dan jintefa’ fil-baħar. Mario de Marco qal li l-pjan iħeġġeġ ukoll it-titjib tal-aċċessibilità tas-siti tal-għads bħala mezz kif ikompli jitkattar dan is-settur.
Ir-rappreżentant tal-MTA, Kevin Fsadni qal li l-pjan huwa wieħed minn diversi proġetti li l-MTA qed taħdem fuqhom biex ittejjeb il-prodott turistiku. Hu semma fost l-oħrajn, il-proġett tal-Aquaruim li qed isir b’investiment ta’ €15.6 miljun kif ukoll il-proġett tal-ġonna ta’ Pembroke b’investiment ta’ 2.4 miljun u l-proġett tar-restawr tat-Torri tal-Madliena, li lkoll huma ko-finanzjati mill-UE. Hu qal li dan il-pjan huwa mmirat li jsaħħaħ niċċa importanti tas-settur turistiku ta’ pajjiżna.
Il-pjan jinsab fuq is-sit elettroniku www.mta.com.mt u s-suggerimenti jistgħu jintbagħtu lil MTA fuq divingmasterplan@mta.com.mt
Other Press Releases:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en