JIĠI MNIEDI D-DVD A TALE OF TWO TOWERS
A Tale of Two Towers (l-Istorja ta’ Żewġ Torrijiet) huwa DVD li ġie mniedi fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet mill-Ministru għal Għawdex l-Onor. Giovanna Debono fis-Sala tal-Konferenzi tal-Ministeru għal Għawdex fir-Rabat. Dan id-DVD li jirrakkonta l-istorja tat-Torri ta’ Kemmuna u t-Torri tad-Dwejra, sar minn Din l-Art Ħelwa, b’finanzjament mill-Ministeru għal Għawdex permezz tal-iskema ta’ eko-Għawdex għall-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi.
L-Onor. Giovanna Debono faħħret l-inizjattiva ta’ Din l-Art Ħelwa li permezz ta’ dan id-DVD informattiv u edukattiv, qed toffri l-istorja ta’ żewġ torrijiet storiċi u importanti f’Għawdex, lil dawk kollha li jinteressahom il-wirt storiku tal-gżira. Hija qalet li A Tale of Two Towers huwa għodda miżjuda għar-reklamar tal-wirt storiku ta’ pajjiżna u ser ikun ukoll tifkira sabiħa tal-esperjenza offruta minn btala f’Għawdex għat-turisti, kemm Maltin kif ukoll barranin. Il-Ministru Giovanna Debono qalet li hi tirrikonoxxi b’sodisfazzjon il-ħidma u x-xogħol ta’ restawr ta’ Din l-Art Ħelwa f’Għawdex partikolarment fir-restawr ta’ siti storiċi bħal ma’ huma dawn it-torrijiet. Żiedet tgħid li grazzi għall-għajnuna u d-dedikazzjoni ta’ NGOs li huma involuti fil-preservazzjoni u l-promozzjoni tal-wirt storiku Għawdxi, aktar siti qed jiġu rrestawrati kif ukoll isiru aċċessibbli għall-pubbliku.
A Tale of Two Towers jinkludi informazzjoni dwar il-bżonn u l-importanza ta’ dawn it-torrijiet, il-problemi ffaċċjati marbuta mal-kostruzzjoni u l-finanzjament, il-personalitajiet involuti fid-disinn u l-manutenzjoni kif ukoll dawk responsabbli għall-preservazzjoni. F’din il-produzzjoni ta’ 26 minuta, Albert Gauci u Terry Shaw jidhru bħala l-enġinier militari Giovanni Rinnaldini u l-Granmastru Alof de Wignacourt rispettivament. Dawn jitkellmu dwar it-Torri ta’ Santa Marija f’Kemmuna. Paul Barnes jidher bħala l-Granmastru Juan de Lascaris-Casteller u jitkellem dwar it-Torri tad-Dwejra.
Id-DVD jinsab għal bejgħ mill-uffiċċju ta’ Din l-Art Ħelwa, fi Triq Melita, il-Belt Valletta kif ukoll minn siti oħra. Kull kopja tiswa €10. Il-fondi li ser jinġabru mill-bejgħ ta’ dan id-DVD ser jintużaw għal manutenzjoni ta’ siti oħra madwar Malta u Għawdex, li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ Din l-Art Ħelwa.
Other Press Releases:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en