Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, FL-OKKAŻJONI TAL-ISKAMBJU TA’ AWGURI GĦAS-SENA L-ĠDIDA MAL-KORP DIPLOMATIKU – BERĠA TA’ KASTILJA, VALLETTA – IL-ĠIMGĦA, 20 TA’ JANNAR 2012

PR0129
Date Icon 20/01/2012

Dan iż-żmien tas-sena għal darb’oħra jagħtina l-opportunità li nibdlu l-isbaħ xewqat u nirriflettu flimkien fuq il-ħidma tagħna. Nixtieq nestendi l-isbaħ xewqat tiegħi lilkom u lill-familji tagħkom, u permezz tagħkom inwassal l-espressjoni ta’ ħbiberija tal-Gvern u tal-poplu ta’ Malta lill-gvern u lill-poplu tal-pajjiżi rispettivi tagħkom.

Hekk kif inħarsu 'l quddiem lejn il-ħidma tagħna għas-sena li ġejja, nirrikonoxxu l-isfidi ġodda u importanti li nħolqu wara l-ġrajjiet tal-aħħar tnax-il xahar. L-2011 kienet tassew sena li ftit rajna bħalha: f’ħafna aspetti fissret perjodu ta’ taqlib fir-relazzjonijiet internazzjonali.

Ir-rivoluzzjonijiet fit-Tuneżija, l-Eġittu u l-Libja waqqgħu mhux biss gvernijiet u sistemi li ġew skreditati, imma anki bidlu l-mod kif il-bqija tad-dinja tirrispondi lejn l-iżviluppi fid-dinja Għarbija. Konvinzjonijiet stabbiliti dwar l-iskop u l-limitu tal-azzjonijiet politiċi ma kinux biżżejjed. Ġew skreditati preġudizzji stabbiliti li hemm popli li mhux kapaċi jġibu l-bidla.   

Filwaqt li l-Afrika ta’ Fuq u warajha parti dejjem akbar tad-dinja Għarbija kienu impenjati biex ineħħu sistemi tal-imgħoddi, l-Ewropa u ħafna mid-dinja industrijalizzata kienu qed jaħdmu biex jippriservaw il-ġdid. Wieħed mill-bażijiet tal-ġid u l-prosperità ta’ wara t-Tieni Gwerra Dinjija, - il-ħolqien u t-tixrid tal-fiduċja - , beda jitriegħed mis-sisien. Dan qanqal mistoqsijiet kbar dwar il-governanza u t-tmexxija. F’livell iktar fil-fond, madankollu l-mistoqsijiet kienu wkoll dwar l-għan u s-sostenibbiltà tal-istili tal-ħajja li konna mdorrijin bihom.

L-isfida għall-ġejjieni hija kif l-esperjenzi li għaddejna minnhom u l-lezzjonijiet li tgħallimna tul l-aħħar tnax-il xahar jistgħu jispiraw u jfasslu x-xejriet u l-azzjonijiet politiċi għal dinja aħjar. In-natura dejjem aktar globalizzata tad-dinja moderna tagħna, bl-ekonomiji minsuġa flimkien u bit-tixrid kontinwu ta’ informazzjoni, jagħmel minn dan ħtieġa ta’ sforz kollettiv li fih in-nazzjonijiet kollha u l-popli tagħhom jeħtieġ li jkunu impjenjati fih.

Malta, naturalment, ma kinitx parti mil-ġrajjiet imqanqla fl-Afrika ta’ Fuq. Bħala ġar viċin u b’rabtiet ta’ ħbiberija mat-Tuneżija, l-Eġittu u l-Libja madankollu malajr inqbadna fl-effetti kemm politiċi kif ukoll prattiċi ta’ dawn il-ġrajjiet imqanqla.

B’mod pjuttost parallel, filwaqt li evitat il-problema dejjem tikber tad-dejn ta’ wħud mill-ġirien Ewropej tagħha, minħabba fit-tmexxija prudenti ekonomika tagħha tul is-snin, Malta madankollu ġiet effettwata mill-kriżi finanzjarja u ekonomika Ewropea u, bħala membru taż-żona tal-Ewro, ġiet direttament involuta fl-azzjoni ta’ rimedju li trid tinstab.

Ir-rispons tagħna għal dawn il-ġrajjiet kienu ispirati kemm mill-ispirtu ta’ solidarjetà kif ukoll minn kunsiderazzjonijiet dwar l-effetti mifruxa tal-sigurtà u l-prosperità futuri tagħna. Bil-pożizzjoni strateġika ġeografika u kulturali tagħna f’nofs il-Mediterran, Malta hija konxja tal-implikazzjonijiet politiċi, ekonomiċi u kulturali fit-tul li dawn il-ġrajjiet se jkollhom fuq iż-żona Ewro Mediterranja kollha kemm hi.

Ir-rivoluzzjoni fil-Libja hija l-ġrajja li rrikjediet l-aktar risposti diffiċli u fit-tul. Fit-Tuneżija u l-Eġittu l-fażijiet inizzjali tar-rivoluzzjonijiet waslu fil-qofol tagħhom anki waqt li l-komunità internazzjonali kienet għadha qed issib il-mod kif tirrispondi għal dan it-tqanqil spontanju u drammatiku. Il-ġrajjiet, kif irrappurtati fil-media, kienu viżwalment qawwija u politikament kbar ħafna.  Dak li kien qiegħed jiġri ftit ħalla spazju ghall-intervent minn barra.

Fil-Libja, il-ġlied kien qalil u mifrux. L-impatt umanitarju kien kbir ħafna. Beda bl-esodu tal-massa ta’ popolazzjoni mwerwra u kompla bil-ġlieda armata li wasslet għal tant nies feruti u mejta. Dan kollu ħoloq il-ħtieġa u l-opportunità ta’ rispons internazzjonali b’mod immedjat kemm f’livell politiku kif ukoll umanitarju.

Ir-rispons ta’ Malta fil-kriżi umanitarja kien dirett u immedjat. Mill-bidu nett kellna rwol attiv biex persuni li riedu jitilqu mill-Libja biex jirritornaw lura pajjiżhom ikunu jistgħu jagħmlu dan. Hekk kif il-ġlied ħrax, Malta nbidlet f’ċentru ewlieni ta’ attività umanitarja – evakwajna lill-feruti, tajna assistenza medika urġenti, wassalna nies u provvisti differenti li kienu ta’ ħtieġa kbira, u servejna ta’ bażi għal bosta aġenziji umanitarji internazzjonali.

Mill-bidu nett rajna l-involviment umanitarju tagħna bħala espressjoni diretta tal-appoġġ li ridna nuru lill-poplu Libjan fil-ġlieda tagħhom biex jikseb il-liberta’, id-dinjità u d-drittijiet umani. Malta kienet fost l-ewwel pajjiżi li rrikonoxxiet ir-rwol tal-Kunsill Nazzjonali ta’ Transizzjoni. Konna fost l-ewwel membri tal-“grupp ta’ kuntatt” fil-Libja. Id-deċiżjoni tagħna u l-azzjoni li ħadna meta żammejna ż-żewġ ajruplani mirage Libjani għamilnihom qabel daħlu s-sanzjonijiet formali tal-Kunsill tas-Sigurtà, li mbagħad osservajna b’mod strett u effettiv.

Dawn l-azzjonijiet kienu wkoll l-espressjoni spontanja ta’ kif Malta tradizzjonalment fehmet u applikat ir-responsabbiltà  reġjonali u dik ta’ ġirien fir-rwol tagħha ta’ infermiera tal-Mediterran. Kien f’dan l-ispirtu li filwaqt li ttieħdet l-azzjoni kollha neċessarja biex tiffaċilita l-applikazzjoni effettiva tan-“no fly zone” fil-Libja imposta mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, ma konniex direttament involuti fl-operazzjonijiet militari. Permezz tat-tmexxija mill-aqwa taż-żona tagħna f’dik li hija flight information, kellna rwol ewlieni biex żammejna l-ajru liberu għall-operazzjonijiet tan-NATO filwaqt li żammejna passaġġ liberu għat-titjiriet kollha ċivili.

Bħala riżultat tar-rivoluzzjonijiet impressjonanti u mwettqa, il-popli tal-Afrika ta’ Fuq issa huma impenjati fil-ħidma sensittiva u diffiċli biex joħolqu l soċjetajiet liberi u miftuħa. L-isfida tal-pajjiżi l-oħra hija kif jistgħu jappoġġjaw dan il-proċess mingħajr indħil; kif jistgħu joffru l-pariri u l-assistenza tagħhom permezz ta’ rispons ċar u dirett lejn il-ħtiġiet reali.

Din l-isfida hija akbar għall-Unjoni Ewropea, li bħalissa qed taffronta d-diffikultajiet interni tagħha. Attwalment l-Unjoni hija mistennija li tmexxi l-ħidma tal-komunità internazzjonali fl-għajnuna lid-demokraziji emerġenti tal-Afrika ta’ Fuq biex irabbu l-għeruq, hekk kif fl-istess ħin jiffaċċjaw in-neċessitajiet urġenti ta’ kuljum u l-aspirazzjonijiet tal-popli tagħhom. Fuq perjodu fit-tul, l-Unjoni Ewropea jeħtieġ li taħdem mad-demokraziji ġodda biex jerġgħu jiġu definiti l-istrutturi tas-sħubija Ewro Mediterranja, fuq il-bażi tal-għarfien li issa għandha sieħeb ġenwinament ugwali u vijabbli fl-istruttura regjonali.

Għal Malta, fattur ta’ diżappunt is-sena li għaddiet kienet l-assenza ta’ rwol effettiv ta’ kontribuzzjoni min-naħa tal-istituzzjonijiet reġjonali Mediterrranji eżistenti. Fil-bidu tas-sena kien hemm pjani biex f’Malta ssir il-laqgħa għolja tal-5+5. Is-sekwenza tal-ġrajjiet  li bdiet fit-Tuneżija ħarbtet l-iskeda għal din il-laqgħa, iżda jidhrilna, li kieku saret kmieni, din il-laqgħa kienet rilevanti u fil-waqt. Konna diżappuntati li dan ma seħħx.

Konvinti li l-5+5 jibqa’ forum ta’ ġid għal konsultazzjoni bejn ir-reġjuni f’dan iż-żmien ta’ inċertezza u tranżizzjoni. Qegħdin naħdmu għalhekk biex il-laqgħa għolja posposta tiltaqa’ kemm jista’ jkun malajr fis-sena l-ġdida u biex inżommu l-proċess miexi 'l quddiem fil-forom l-oħra tiegħu. Hemm ħafna xogħol xi jsir biex titqiegħed il-bażi ta’ sħubija ġdida Mediterranja. Il-mod intimu li fih isiru l-laqgħat tal-5+5 jipprovdi l-ambjent ideali għal esplorazzjoni ġdida dwar relazzjoni aktar fil-qrib bejn l-Unjoni Ewropea  u l-ġirien tagħha tal-Afrika ta’ Fuq.

Il-ġrajjiet tal-Afrika ta’ Fuq imorru lil hinn mid-dimensjoni reġjonali fit-tfassil u l-effett tagħhom. B’mod differenti, ir-rivoluzzjonijiet fit-Tuneżija, l-Eġittu u l-Libja kienu prodott ta’ fatturi u kundizzjonijiet prevalenti f’ħafna pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq u tal-Lvant Nofsani u anki lil hinn minnhom. Ir-risposta immedjata tal-Lega Għarbija sa mill-ewwel ġranet tal-kriżi Libjana kienet riflessjoni ta’ din ir-realtà.

Id-dimensjonijiet aktar wiesgħa tal-fenomenu Nord Afrikan jispjegaw ukoll għaliex id-deċiżjoni tal-Lega Għarbija fuq il-Libja kienet strumentali biex xprunat l-azzjoni internazzjonali fin-Nazzjonijiet Uniti dwar il-kunċett ta’ effetti kbar imma sa dak inhar mhux ittestjati tar-responsabbiltà li tingħata protezzjoni. Ir-rivoluzzjonijiet fl-Afrika ta’ Fuq influenzaw l-iżviluppi f’pajjiżi oħra tal-Lvant Nofsani, inkluża s-Sirja. Inevitabbilment dawn il-ġrajjiet qed jeffettwaw ukoll il-fatturi kumplikati li jinsabu fil-qalba tal-kwistjoni Palestinjana fil-Lvant Nofsani.

Is-sitwazzjoni fis-Sirja hija speċjalment preokkupanti kemm fl-implikazzjonijiiet politiċi kif ukoll umanitarji tagħha. Waqt li x-xenarju politiku fis-Sirja mhux daqstant ċar kif kien per eżempju fil-każ tal-Libja, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi umanitarja li qed iseħħ hija ta’ kobor impressjonanti. Il-komunità internazzjonali għad trid issib kif taġixxi b’mod effettiv bil-għan li tipproteġi lill-poplu Sirjan mid-delitti li qed jitwettqu kontrihom. Nemmnu li jeħtieġ jiżdiedu l-isforzi fi ħdan l-ambitu tan-Nazzjonijiet Uniti biex tinstab it-triq it-tajba 'l quddiem.

Is-sitwazzjoni Palestinjana baqgħet magħna għal sena oħra mingħajr progress evidenti. It-taqlib tar-reġjun ta’ madwar kompliet tkattar in-natura perenni tal-volatilità tal-problema. Malta tkompli tara r-rwol tal-komunità internazzjonali miexja fid-direzzjoni li toħloq il-kundizzjonijiet fejn stat indipendenti u vijabbli Palestinjan jeżisti maġenb stat Iżraeljan sikur. Dan ifisser ukoll li aktar miżuri diretti u qawwija huma meħtieġa biex jikkumbattu azzjonijiet li jxekklu l-proċess lejn is-soluzzjoni li jkun hemm żewġ stati. L-inizjattivi Palestinjani li għandhom l-għan li tinkiseb sħubija sħiħa f’organizzazzjonijiet internazzjonali inklużi n-Nazzjonnijiet Uniti għandhom ukoll jitqiesu f’dan il-kuntest.

Minkejja d-difetti u d-diżappunti tagħha, is-sistema multilaterali li ddur madwar in-Nazzjonijiet Uniti tibqa’ raġġ ta’ tama u sforz mifrux ta’ ħidma għall-komunità internazzjonali. Xi drabi, id-domanda fuq ir-riżorsi umani u finanzjarji tas-sistema tkun kbira wisq, speċjalment fi żmien ta’ miżuri ħorox ta’ awsterità fuq livell nazzjonali f’parti sinifikanti tal-membri, iżda l-bżonn ta’ impenn dejjem akbar min-Nazzjonijiet Uniti u aġenziji multilaterali oħra fi kwistjonijiet relatati mas-sigurtà, żvilupp u drittijiet tal-bniedem, huwa kbir ukoll. 

Flimkien mar-rwol kontinwu u ħafna drabi sieket tas-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti f’oqsma ta’ ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u kooperazzjoni għal żvilupp, ta’ min jiftakar ukoll f’uħud mis-suċċessi li rajna matul l-aħħar tnax-il xahar, speċjalment fl-Afrika.

Ta’ min jinnota b’mod partikolari l-impatt tal-azzjoni konġunta mill-Kunsill tas-Sigurtà u l-Qorti Kriminali Internazzjonali fil-każ tal-Libja.  Fl-ewwel xhur tas-sena n-Nazzjonijiet Uniti kellhom rwol importanti biex ġabu fi tmiemu l-konflitt fl-Ivory Coast, li wassal biex f’Diċembru, għall-ewwel darba eks kap ta’ stat inġieb quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali biex iwieġeb għall-akkużi ta’ reati kontra l-umanità. F’Lulju, is-Sudan tan-Nofsinhar ingħaqad man-Nazzjonijiet Uniti bħala l-mija u tlieta u disgħin membru, wara għexieren ta’ snin ta’ ġlied u gwerra ċivili li wkoll inġabu fi tmiemhom bl-intervent tan-Nazzjonijiet Uniti. B’mod anqas drammatiku l-isforzi fit-tul li għamel is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti f’Myanmar setgħu bdew ukoll jagħtu l-frott kif igerbeb iż-żmien matul is-sena.


Il-kwistjoni tat-tibdil fil-klima huwa qasam ieħor fejn is-sena li għaddiet il-komunità internazzjonali wriet ċertu progress mixtieq. Il-laqgħa ta’ Diċembru f’Durban irnexxielha b’xi mod tagħti bidu biex iżżid il-valur prattiku tal-miri politiċi li qablu fuqhom is-sena ta’ qabel f’Cancun. 

Tliet aspetti tal-konklużjonijiet ta’ Durban huma inkoraġġanti.  Sar xogħol siewi biex jitwaqqaf Fond tal-Klima. Intlaħaq ftehim fuq it-tieni perjodu ta’ ħames snin ta’ impenn għall-Ftehim ta’ Kyoto. U forsi, l-aktar importanti fosthom kollha, id-delegati f’Durban ftehmu biex jistabbilixxu pjan li jwassal għal ftehim ġdid biex jiġi wara dak ta’ Kyoto fl-2020, u li għall-ewwel darba jkun jorbot lill-pajjiżi kollha f’sistema ta’ tmexxija ta’ impenn komuni.   

Ir-ritmu tqil tal-mixja rigward it-tibdil fil-klima jippreżenta sew il-qawwa kif ukoll il-frustrazzjonijiet tal-proċess multilaterali.  Wieħed għandu jkun rikonoxxenti meta l-moviment, minkejja ċ-ċokon tiegħu, qiegħed fid-direzzjoni t-tajba. Fl-istess ħin, jibqa’ t-tħassib ġustifikat, speċjalment għal pajjiżi żgħar inkluża Malta, li huma partikoralment vulnerabbli għall-effetti diretti taż-żieda globali fit-temperatura, li l-kwistjoni titlob għal rispons aktar urġenti u serju minn dik li ngħatat s’issa.   


L-Unjoni Ewropea kellha parti delikata f’Durban biex torbot il-ftehim dwar l-estensjoni tal-impenn ta’ Kyoto mal-ftehim dwar pjan għal perjodu itwal li jwassal għal ħidma aktar komprensiva.  Kienet f’pożizzjoni li tagħmel dan ukoll għar-raġuni tal-arranġamenti interni li kienu diġà fis-seħħ taħt l-Iskema Kummerċjali tal-Unjoni Ewropea dwar l-Emissjonijiet.  Din tagħti eżempju effettiv ħafna tar-relazzjoni kostruttiva bejn il-proċess ta’ suċċess ta’ integrazzjoni reġjonali u l-proċess usa’ multilaterali.

Malta tappoġġa b’mod partikolari dak li l-Unjoni Ewropea tiddefinixxi bħala l-vokazzjoni multilaterali tagħha.  Aħna nilqgħu l-mod li bih din il-vokazzjoni tkompli tintwera f’diversi okkażjonijiet, għalkemm mhux dejjem sal-livell mixtieq ta’ suċċess.  Dan kien il-każ b’mod partikolari fil-kwistjoni ta’ laqgħa ta’ negozjati dwar il-kummerċ, li jibqgħu maqbuda fi staġnar frustranti.  

Hu f’dan l-ispirtu li Malta kienet qed tieħu rwol f’operazzjonijiet immexxija mill-Unjoni Ewropea f’diversi reġjuni.  F’dawn l-aħħar ftit tas-snin Malta kienet preżenti f’Georgia, Kosovo, Bosnja, kif ukoll bhala parti mis-sehem tal-Unjoni Ewropea fil-qarn tal-Afrika permezz tal-operazzjoni kontra l-piraterija ‘l hinn mix-xtut tas-Somalja (Atalanta), u mal-missjoni tal-Unjoni Ewropea fit-taħriġ tal-forzi tas-sigurtà tas-Somalja fl-Uganda.  Espert Malti se jkun parti mill-missjoni mmexxijja mill-Unjoni Ewropea li se taghmel analizi fuq il-ġestjoni tal-fruntieri fil-Libja. 

Matul l-2011 il-problemi finanzjarji li kiddu l-Unjoni Ewropea fortunatament kellhom biss impatt limitat fuq il-kapaċità tagħha li twettaq il-ħafna impennji multilaterali tagħha.  Matul l-ewwel parti tas-sena l-Unjoni Ewropea kisbet, ċertament bi sforz akbar minn dak mistenni, l-istatus imsaħħaħ ta’ osservatur fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li fittxet li jippermettulha teżerċita b’mod aktar effettiv ir-responsabbiltajiet ġodda taħt it-trattat ta’ Lisbona.  Il-ħidma fuq bidliet oħrajn frott  tat-Trattat ta’ Lisbona, partikolarment il-ħolqien tas-Servizz Ewropew għall-Affarijiet Barranin, kompliet miexja ‘l quddiem. 

L-2011 rat ukoll l-għeluq b’suċċess tan-negozjati għad-dħul tal-Kroazja fl-Unjoni Ewropea, bl-iffirmar tat-trattat formali li seħħ f’Diċembru.  Malta, li dejjem tappoġġa l-proċess ta’ tkabbir, tara dan l-iżvilupp bħala sinjal ieħor tal-vitalità kontinwa tal-Unjoni, u tistenna b’ħerqa li tilqa’ lill-Kroazja bħala t-28 membru fl-2013.

Bħal dejjem Malta tara l-impennji tagħha fi ħdan l-Unjoni Ewropea bħala katalist u parti importanti meħtieġa sew fl-involviment reġjonali u multilaterali tagħna kif ukoll biex insaħħu u nseddqu r-relazzjonijiet bilaterali tagħna.  Waqt li ntenni l-ħbiberija kontinwa u l-koperazzjoni li tikkaratterizza l-progress tar-relazzjonijiet bilaterali tagħna, nixtieq f’dal-punt nirriflettu b’ċertu dieqa fuq il-ġrajjiet traġiċi li reġgħu laqtu diversi pajjiżi madwar id-dinja.  Nixtieq infakkar b’mod partikolari it-terremot u s-tsumani devastanti li għeżżu lill-Gappun f’Marzu li għadda, kif ukoll il-ġuħ li mis-Sajf fena l-Lvant tal-Afrika.     

Fuq livell nazzjonali s-sena li għaddiet reġgħet kienet karatterizzata bi sforzi kontinwi biex nieqfu għall-impatt tal-kriżi kbira ekonomika u finanzjarja li laqtet il-parti l-kbira ta’ sħabna.  Kellna wkoll nilqgħu għall-impatt immedjat tal-ġrajjiet fl-Afrika ta’ Fuq, speċjalment fil-Libja.

Kellna nieħdu deċiżjonijiet iebsa biex nissalvagwardjaw l-impiegi u nsostnu s-servizzi soċjali tagħna, biex ngħinu lil min l-aktar għandu bżonn.  F’dan il-kuntest kellna wkoll nagħmlu sforz speċjali biex infasslu pjan ta’ ristrutturazzjoni biex jippermetti lil-linja tal-ajru nazzjonali tagħna tvinċi d-diffikultajiet preżenti tagħha.


Meta tqis kollox l-istatistika turi li, tal-anqas s’issa, konna kapaċi negħlbu l-agħar parti tal-maltempata. Matul l-2011 it-tkabbir tagħna laħaq medja ta’ 2.4%, rata ogħla minn dik tal-Unjoni Ewropea kif ukoll dak taż-żona Ewro li laħaq il-medja ta’ tkabbir ta’ anqas minn 2%.  Malta llum hija l-ħames fil-lista fejn hemm l-anqas qgħad bir-rata ta’ 6.4% u l-inflazzjoni kienet ta’ 2.7%.  Dawn huma kollha rizultati rispettabbli meta mqabbla mal-medji ewropej.  L-isforzi tagħna biex insaħħu l-finanzi tagħna ġew rikonoxxuti mill-Kummissjoni Ewropea li l-ġimgħa li għaddiet qablet li tipproponi  r-revoka tal-proċedura ta’ deficit eċċessiv fil-konfront ta’ Malta; konferma ohra li tas-success tal-għaqal  fit-tmexxija tal-ekonomija ta’ pajjizna

Żewġ setturi li wrew tkabbir għenu biex l-ekonomija tagħna tibqa’ għaddejja relattivament tajjeb.  Il-qasam tas-servizzi finanzjarji kompla jikber b’rata mgħaġġla.  Illum, Malta tospita 25 istituzzjoni ta’ kreditu, 14-il istituzzjoni finanzjarja, 52 kumpannija ta’ assigurazzjoni, 706 Funds, u 112-il kumpannija ta’ servizzi ta’ investiment.  Dan ikkontribwixxa lejn tkabbir tajjeb f’impiegi ta’ livell għoli.

It-Turiżmu, kontributur prinċipali fl-ekonomija tagħna, ukoll wera tkabbir tajjeb matul is-sena.  Bejn Jannar u Novembru 2011, in-numru totali tat-turisti żdied b’5.9 fil-mija fuq l-istess perjodu fl-2010 li kienet sena rekord.  Passiġġieri tal-cruise liners żdiedu b’madwar 6% fl-istess perjodu matul l-2010. 
L-istrateġija soċjo-ekonomika tagħna tkompli tkun immirati biex ninċentivaw l-investiment, nissalvagwardjaw l-ambjent tagħna, intejbu l-infrastruttura, ninvestu b’mod qawwi fl-edukazzjoni, inżommu rata baxxa ta’ taxxa, niġġieldu l-inflazzjoni u nnaqqsu l-burokrazija.
Dan hu b’konformità mal-impenn qawwi tagħna lejn il-bidla kontinwa ta’ Malta f’soċjetà prospera, effiċjenti u umana, imsejsa fuq il-prinċipji ta’ governanza demokratika, legalità u ġustizzja soċjali.
Eccellenzi,

Ippermettuli nerġa’ nwassal l-awguri u l-isbaħ xewqat tiegħi, flimkien mat-tama li l-isforzi komuni tagħna jikkontribwixxu biex inkomplu nsaħħu r-relazzjonijiet bilaterali tagħna, kif ukoll insaħħu l-ħidma kollettiva tagħna biex nippromwovu l-paċi, il-ġustizzja u l-prosperità għal kulħadd.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  Report by the Auditor General on the Workings of Local Government for the year 2025

PR262016en

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE Report by the Auditor General o...

More Press Releases Right arrow