AKTAR NGOS GĦAWDXIN JIRĊIEVU FONDI WARA LI TEMMEW B’SUĊĊESS PROĠETTI MARBUTA MA’ EKO-GĦAWDEX
Wara li ftit ġimgħat ilu 12-il Organizzazzjoni Mhux Governattiva f’Għawdex ingħataw l-aħħar pagamenti relatati mal-finanzjament għall-proġetti rispettivi li għadhom kif wettqu, il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono ppreżentat pagamenti lill-għaxar entitajiet oħra li wkoll lestew proġetti taħt l-iskema tal-Ministeru għal Għawdex għall-Għaqdiet Mhux Governattivi Għawdxin. Dan ifisser li issa ġew kompluti 24 proġett filwaqt li erbatax oħra waslu fl-aħħar fażi ta’ implimentazzjoni.
Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono fissret kif it-38 proġett li ġew ikkunsidrati biex jiġu ffinanzjati taħt din l-iskema kienu kollha inizjattivi marbuta mal-ħidma tal-Ministeru għal Għawdex fit-twettieq tal-pjan ta’ azzjoni 2010–2012 dwar eko-Għawdex. Filwaqt li esprimiet sodisfazzjon għall-parteċipazzjoni attiva mid-diversi għaqdiet Għawdxin li applikaw taħt din l-iskema, fissret kif il-proġetti li twettqu qed ikun ta’ benefiċċju għal Għawdex u għas-soċjetà Għawdxija. Dan għaliex il-proġetti li twettqu jirrelataw ma’ firxa wiesgħa ta’ setturi li jvarjaw minn dak soċjali għal dak edukattiv, sportiv, kulturali, ambjentali kif ukoll pastorali. ‘Dan jixhed ukoll ir-realtà tal-viżjoni eko-Għawdex li ma tfittix biss il-ħarsien ambjentali iżda għandha l-għan li tilħaq livelli ta’ żvilupp sostenibbli f’diversi oqsma soċjo-ekonomiċi u b’hekk tiġġenera kwalità ta’ ħajja aħjar mingħajr ma tagħmel pressjoni żejda fuq l-ambjent ta’ madwarna’, żiedet tgħid il-Ministru Giovanna Debono.
Għall-preżentazzjoni kienu preżenti rappreżentanti tal-għaqdiet: Ta’ Klula Foundation; il-Fondazzjoni OASI; Dar Ġużeppa Debono; il-Fondazzjoni Belt Victoria; L-assoċjazzjoni tal-Għaqdiet Mhux Governattivi Għawdxin; l-Għaqda Inħobbu lil Munxar u x-Xlendi; il-Victoria Scout Group; l-Oratorju Don Bosco; is-Soċjetà Filarmonika La Stella u l-Emergency Response Rescue Corps. Il-proġetti li wettqu dawn l-organizzazzjonijiet kienu jinkludu restawr ta’ ħitan tas-sejjieħ, twaqqif ta’ heritage trail u pubblikazzjoni ta’ fuljetti u DVD flimkien ma’ installazzjoni ta’ pannelli informattivi u servizzi ta’ informazzjoni għat-turisti f’lokalitajiet karatteristiċi; studju xjentifiku aġġornat dwar iż-żgħażagħ f’Għawdex; it-tisħiħ ta’ servizzi offruti lill-familji vulnerabbli f’Għawdex u produzzjoni ta’ pakkett edukattiv biex jintuża mill-għalliema waqt lezzjonijiet li jittrattaw ir-rispett lejn il-ħajja f’kull forma tagħha; ir-restawr ta’ altar antik; il-promozzjoni tal-ħidma fil-qasam tal-volontarjat; promozzjoni ta’ attivitajiet kulturali u tisħiħ fil-faċilitajiet offruti għalihom; il-bini ta’ ġibjuni bil-għan li tiżdied il-ħażna tal-ilma tax-xita u jissaħħu prattiċi ambjentali tajbin; bdil fis-sistemi tad-dwal għal enerġija aktar nadifa u anqas konsum; ristrutturar u rinovazzjoni f’faċilitajiet kulturali u promozzjoni ta’ attivitajiet marbuta magħhom; kif ukoll produzzjoni u tqassim ta’ pubblikazzjonijiet li fost l-oħrajn jippromwovu stili ta’ ħajja tajbin għas-saħħa u prattiċi ambjentali tajbin speċjalment dawk marbuta ma’ divertiment ħdejn il-baħar, tindif ta’ ambjenti marittimi u tisħieħ fis-servizzi ta’ salvataġġ u emerġenza offruti f’numru ta’ bajjiet f’Għawdex u Kemmuna fix-xhur tas-sajf.
It-38 proġett mill-NGOs Għawdxin taħt din l-iskema ta’ eko-Għawdex qed isiru b’investiment ta’ €1.24 miljun. Kull għaqda mhux governattiva setgħet tibbenefika minn massimu ta’ €50,000.
Other Press Releases:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en