TERĠA’ TIFTAĦ L-ISKEMA TAL-FIDI TAĊ-ĊNUS TA’ ART RESIDENZJALI TAL-GVERN
“Il-politika tal-Gvern fit-tmexxija tal-proprjetà residenzjali tiegħu, tixhed ir-ruħ soċjali tal-Gvern, u l-impenn li l-familji jsiru tassew sidien ta’ djarhom”. Dan qalu l-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur, Jason Azzopardi, illum waqt li kien qed iniedi skema li permezz tagħha, familji li għandhom ċens temporanju fuq proprjetà residenzjali tal-Gvern ikunu jistgħu japplikaw biex jifdu tali ċens, b’rati ferm favorevoli u vantaġġjużi.
Il-Ministru Azzopardi qal li din l-iskema qed terġa’ tiftaħ hekk kif kien imwiegħed iżjed minn darba matul is-snin 2009, 2010, u 2011, wara li din ġiet sospiża temporanjament biex jiġi miġġieled il-back-log li nħoloq frott is-suċċess tal-istess skema. Huwa qal li din l-iskema li kienet tħabbret oriġinarjament fl-2001, kienet ġibdet interess kbir, u daħlu madwar 5,500 applikazzjoni biex jinfeda ċ-ċens. Dan il-backlog għalhekk kellu jiġi indirizzat, xi ħaġa li saret fl-2009, meta din ġiet sospiża temporanjament u żdied l-output tal-Uffiċċju Konġunt biex jeħles l-applikazzjonijiet b’lura. Illum b’sodisfazzjon ninnutaw li l-backlog qiegħed f’livelli maniġġabbli, u għalhekk qed terġa’ titnieda l-iskema. Biss biss, fl-aħħar sentejn ġew ipproċessati kważi l-istess numru ta’ applikazzjonijiet daqskemm ġew ipproċessati bejn l-2002 u l-2009.
Jason Azzopardi saħaq li din hija skema li titfa’ dawl fuq ir-ruħ soċjali tal-Gvern, hekk kif ser tagħti l-opportunità lil familji jsiru sidien ta’ djarhom, u tagħtihom serħan il-moħħ. Il-Gvern għandu għadd ta’ proprjetajiet li huma residenzjali, u li fihom jgħixu familji b’titlu ta’ ċens temporanju – jiġifieri xi darba jiskadi. Dan huwa ta’ uġigħ ta’ ras għall-familji hekk kif darba dan jiskadi, il-Gvern bħal kull sid ieħor ikun jista’ jitlob lill-familja trodd lura din il-proprjetà. Il-Ministru nnota però li l-Gvern mhuwiex bħal kull sid ieħor, u għandu ruħ soċjali. Għalhekk din l-iskema tagħti l-opportunità li familji jifdu ċ-ċens tagħhom b’rati sussidjati.
Jason Azzopardi qal li din l-iskema ser tiftaħ fi Frar li ġej, u ġiet imħabbra llum biex tippermetti lil dawk kollha interessati biex jippreparaw id-dokumenti kollha neċessarji biex japplikaw għall-iskema. Din l-iskema ser tibqa’ miftuħa għal 6 xhur.
Other Press Releases:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en