DISKORS MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT IŻ-ŻJARA LILL-FTIAS LTD, PARTI MILL-FTI GROUP OF COMPANIES, F’ĦAL QORMI – IL-ĦAMIS, 19 TA’ JANNAR 2012.
Sur Paris,
Management,
Ħaddiema tal-FTIAS,
F’Mejju tal-2007 kelli l-privileġġ u s-sodisfazzjon li ninawgura dawn l-uffiċini. Dakinhar kien hawn 79 ħaddiema.
Illum il-kumpanija tħaddem 130 ħaddiema. Dan in-numru se jkompli jikber fil-ġimgħat li ġejjin. Kif qal is-Sur Paris, propju minn għada dan l-ispazju se jkun okkupat minn aktar ħaddiema li b’sodisfazzjon qaluli li se jiżdiedu għal 155 ħaddiema sa nofs Marzu. F’ħames snin il-ħaddiema irduppjaw.
Dan it-tkabbir u l-espansjoni ma ġiex b’kumbinazzjoni. Huwa riżultat tal-fiduċja li kumpanija Ġermaniża, li hi r-raba’ l-akbar fil-Ġermanja u d-disa’ l-akbar fl-Ewropa fis-settur tagħha, għandha f’pajjiżna u fl-istrateġija ekonomika tagħna.
Hija din l-istrateġija li mhux biss attirat kumpaniji barranin lejn Malta imma wisq aktar ħajrithom biex ikomplu jkabbru l-operat tagħhom. Hija din l-istrateġija ekonomika li waslet biex pajjiżna jikseb riżultati pożittivi waqt il-kriżi internazzjonali. B’għaqal u b’serjetà nirbħu l-maltemp. Pajjiżna fl-2011 kiber b’rata aktar mgħaġġla mill-medja tal-Unjoni Ewropea u taż-żona ewro. Ix-xogħol kompla jiżdied – fl-2011 kien hemm aktar minn 13,500 vacancies reġistrati mal-ETC, l-ogħla numru f’dawn l-aħħar 4 snin. Inħolqu aktar postijiet tax-xogħol u l-qgħad kompla jonqos, tant li pajjiżna għandu l-ħames l-anqas rata ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea.
Dawn ir-riżultati huma ta’ pajjiżna daqs kemm huma tagħkom għax ksibnihom grazzi għal ħidmitkom. Huma xhieda tat-tkabbir ta’ numru ta’ kumpaniji bħal l-FTI li flimkien qed joħolqu x-xogħol f’numru ta’ setturi ekonomiċi fosthom fit-turiżmu u fis-servizzi speċjalment dawk finanzjarji.
Iż-żjara f’dawn l-uffiċini ttina l-opportunità nirriflettu fuq ir-rabtiet li jeżistu bejn setturi differenti. L-FTI Group huwa sinonimu mat-turiżmu lejn pajjiżna b’investimenti f’lukandi u fi skola tal-Ingliż. F’isem il-Gvern nixtieq nieħu din l-opportunità biex nirringrazzja lill-FTI Group tal-kontribut tiegħu lejn it-turiżmu f’pajjiżna speċjalment mis-suq Ġermaniż. Ix-xogħol tagħkom ukoll għen biex pajjiżna jkollu fl-2011 sena rekord fit-turiżmu fejn anke t-turisti mill-Ġermanja żdiedu. Minn din is-sena, l-FTI daħal fis-settur tal-cruise liners. Dan se jkompli jgħin biex anke hawn pajjiżna jkompli jiġbed aktar turisti.
Is-settur tat-turiżmu huwa wiesa’ u joħloq il-bżonn ta’ numru ta’ servizzi oħra fosthom ta’ proċessar u servizzi finanzjarji. Malta rnexxielha tiġbed lejha dan ix-xogħol ta’ back-office għall-grupp dinji tal-FTI. Dan ix-xogħol u l-investiment huwa frott tal-professjonalità tal-ħaddiema tagħkom. F’isem il-Gvern nixtieq nirringrazzjakom tal-ħidma tagħkom ġewwa l-kumpanija FTIAS. Il-ħiliet, il-kapaċitajiet kif ukoll il-bżulija tagħkom kienu essenzjali biex jiġi attirat dan l-investiment lejn pajjiżna. Intom u ħaddiema oħra, bix-xogħol u d-dedikazzjoni tagħkom tagħmlu ġieħ lil pajjiżna u qed tkomplu tagħmlu minn Malta pajjiż attraenti għall-investiment. Grazzi.
Hawn ukoll nixtieq nirringrazzja lill-kumpanija li qiegħda tinvesti fl-impjegati tagħha, mhux biss fit-taħriġ imma anke permezz ta’ miżuri favur il-familja. Il-kumpanija bbenefikat minn numru ta’ skemi ta’ taħriġ mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ li jkompli jikkonferma l-kontribut importanti ta’ dawn l-iskemi għall-ekonomija Maltija. Intom sieħba mal-Gvern li qiegħed jinvesti fl-edukazzjoni tar-riżorsa umana Maltija b’investimenti f’kull livell minn dak taċ-child care sa dak fl-MCAST u fl-Università. Hekk biss pajjiżna jista’ jkompli jikseb dawn ir-riżultati u l-Gvern huwa kommess li jkompli jinvesti fin-nies, fl-istudenti u fil-ħaddiema.
Sinjuri,
Il-preżenza tagħna hawn dalgħodu tixhed is-suċċess ta’din il-kumpanija u tal-ekonomija Maltija.
L-investiment u t-tkabbir tagħkom tul dawn l-aħħar snin huwa sinjal ta’ fiduċja f’pajjiżna u fil-potenzjal ekonomiku. Il-ħolqien tax-xogħol huwa l-kejl tas-suċċess tagħkom u tal-ekonomija tagħna.
Huwa unur għal pajjiżna li għandna kumpanija bħal FTI li hi protagonista fit-twettiq tal-viżjoni tal-Gvern immexxi minni.
Filwaqt li nirringrazzjakom ta’ din il-fiduċja nawguralkom aktar suċċessi għalikom u għal pajjiżna.
Grazzi.
Other Press Releases:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en