L-AWTUR IMMANUEL MIFSUD ONORAT GĦAL REBĦA TAL-PREMJU GĦAL-LETTERATURA TAL-UNJONI EWROPEA 2011
Fis-17 ta' Jannar 2012 ir-Rappreżentanza Permanenti ta' Malta għall-Unjoni Ewropea, flimkien mal-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti, organizzat okkażjoni kulturali biex tonora l-awtur Malti Immanuel Mifsud talli reċentement rebaħ il-Premju għal-Letteratura tal-Unjoni Ewropea 2011. L-avveniment sar fir-Rappreżentanza Permanenti ta' Malta għall-Unjoni Ewropea fi Brussell.
Il-Viċi Rappreżentant Permanenti ta' Malta għall-Unjoni Ewropea, Patrick Mifsud, laqa' lil dawk kollha preżenti għall-avveniment. L-Ambaxxatur ta' Malta għall-Belġju, Clive Agius u Anna Maria Darmanin, Viċi-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, kienu wkoll preżenti flimkien ma' uffiċjali mill-Kummissjoni Ewropea, il-Federazzjoni tal-Pubblikaturi Ewropej u l-Kunsill Ewropew tal-Kittieba Maltin li jgħixu u jaħdmu fil-Belġju kienu wkoll preżenti.
Immanuel Mifsud kien wieħed minn tnax-il awtur Ewropej li kien mogħti l-Premju għal-Letteratura tal-Unjoni Ewropea 2011 għall-ktieb tiegħu Fl-Isem Tal-Missier (U tal-Iben) fit-28 ta' Novembru 2011. Fil-ktieb, in-narratur jesplora r-relazzjoni tiegħu ma’ missieru li għadu kif miet billi jirreferi għal diversi esperjenzi sinifikanti li parti minnhom meħuda mill-ġurnal tal-istess missieru.
Il-Premju għal-Letteratura tal-Unjoni Ewropea huwa ffinanzjat mill-Programm Kultura tal-Unjoni Ewropea u hu programm konġunt tal-Kummissjoni Ewropea, l-European Booksellers’ Foundation, il-European Writers’ Council u l-Federation of European Publishers. Il-Programm Kultura tal-Unjoni Ewropea jiffaċilita t-traduzzjoni tax-xogħlijiet rebbieħa f’lingwi oħra tal-UE sabiex tippromwovi d-diversità u l-iskambji kulturali permezz taċ-ċirkolazzjoni tal-letteratura fl-Ewropa.
Patrick Mifsud feraħ lil Immanuel Mifsud għas-suċċess tiegħu u sostna li dan ir-rikonoxximent huwa xhieda tat-talent tal-awtur. Il-Viċi Rappreżentant innota kemm hu importanti li l-letteratura Maltija tiġi tradotta f'lingwi oħra sabiex tinfetaħ għal udjenzi akbar u awgura li dan se jkun il-każ għal dan il-ktieb. B’referenza għas-suċċess ta’ Immanuel Mifsud, ir-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-Unjoni Ewropea, l-Ambaxxatur Richard Cachia Caruana, nnota li: “Dan il-premju huwa ta’ unur kbir u jservi biex jipprommwovi t-talent Malti f’pajjiżi oħra.”
Other Press Releases:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en