Left arrow Go Back

SKEMA ĠDIDA TA’ TNAQQIS MIT-TAXXA BIEX SIDIEN TA’ NEGOZJI MALTIN JIKSBU SUĊĊESS FIN-NEGOZJU TAGĦHOM

PR0086
Date Icon 17/01/2012

Il-Gvern qiegħed iniedi skema ġdida biex jgħin lill-kumpaniji żgħar u medji jinvestu b’mod li jiksbu ċertifikazzjoni għall-kwalità tal-prodotti jew servizzi tagħhom, u li b’hekk jgħinhom biex isaħħu l-kompetittività tagħom. Dan huwa kruċjali biex ninċentivaw is-sidien tan-negozji tagħna biex  jespandu n-negozju tagħhom, joħolqu aktar xogħol u għalhekk jagħtu kontribut fit-tisħiħ tal-istabilità ekonomika ta’ pajjiżna.

Dan tħabbar mill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment Tonio Fenech waqt żjara lill-kumpanija St. Anthony Woodworks fil-Mosta, fejn ta d-dettalji dwar il-Quality+. Din hija skema oħra mħaddma mill-Malta Enterprise intiża biex tgħin lill-kumpaniji bbażati f’Malta jkollhom suċċess kemm f’pajjiżna kif ukoll meta jespandu n-negozju fis-swieq barranin.

Il-Ministru Tonio Fenech qal li f’dinja fejn is-swieq huma dejjem iktar kompetittivi, u aktar u aktar fil-kuntest ta’ qagħda ekonomika internazzjonali prekarja,  qed tikber ukoll l-importanza li l-kumpaniji jkollhom jagħtu lill-kwalità tal-prodotti jew servizzi li joffru b’mod li jsaħħu l-preżenza tagħhom fis-swieq u ma jitilfux mill-bejgħ tagħhom. Filwaqt li dan huwa ta’ benefiċċju kbir għall-konsumatur li b’hekk igawwdi minn għażla akbar u aħjar ta’ prodotti jew servizzi, il-kumpaniji jkollhom jinvestu aktar sabiex jilħqu livelli għola ta’ kwalità.

Permezz tal-Quality+, il-Malta Enterprise tista’ tapprova għajnuna fuq investiment li jsir biex il-kumpaniji jilħqu l-livelli ta’ kwalità meħtieġa u jiksbu ċertifikazzjoni b’rabta mal-proċessi, prodotti jew servizzi tagħhom, ċertifikazzjoni b’rabtiet ambjentali, jew marki tal-kwalità. Din l-għajnuna tingħata billi jitnaqqas 150 fil-mija tal-valur tal-investiment approvat mid-dħul taxxabli. Dan  jfisser li s-sid tan-negozju jista’ jieħu lura nofs l-investiment li jkun għamel fl-intrapriża tiegħu.

“Effettivament dan ifisser li min jibbenefika minn din l-iskema se jkun qiegħed iħallas inqas taxxa u b’hekk ikun jista’ jinvesti iktar fin-negozju tiegħu jew igawdi iktar il-frott tax-xogħol tiegħu,” qal il-Ministru Tonio Fenech. Il-Ministru żied jgħid li l-iskema tapplika ukoll għal dawk li jiksbu l-liċenzja għal franchise jew dawk li jagħmlu eżerċizzju ta’ due diligence biex jiksbu l-liċenzja għall-parteċipazzjoni f’xi suq.

L-ispejjeż eliġibbli – sa massimu ta’ €20,000 – jinkludu spejjeż fuq konsulenzi, taħriġ, kif ukoll spejjeż fuq awditjar jew verifiki taċ-ċertifikazzjonijiet. Fost oħrajn, kumpaniji li jiksbu ċertifikazzjonijiet u marki ta’ kwalità bħall-ISO 9001:2008, ISO 14001, ISO 22000, MS1500:2004, il-Hazard Analysis Critical and Control Point (HACCP), il-BSI Kitemark u CE Mark huma eliġibbli għall-għajnuna permezz tal-Quality+.

“Il-Malta Enterprise toffri ukoll servizz professjonali ta’ konsulenza permezz tal-Business Advisory Services li jistgħu jgħinu lill-kumpaniji jħejju l-pjanijiet tagħhom biex jtejjbu l-livell ta’ kwalità u jiksbu ċ-ċertifikazzjoni li tagħraf dan,” qal iċ-chairman tal-Malta Enterprise Alan Camilleri.

Is-Sur Camilleri fakkar ukoll li fi ftit jiem se jitnieda s-servizz ta’ Business First, li bħala l-ewwel punt ta’ kuntatt għall-Korporazzjoni mal-klijenti tagħha mistenni jtejjeb ir-relazzjoni bejniethom u jagħmilha eħfef biex il-kumpaniji jibbenefikaw mill-għajnuna tal-Malta Enterprise.

Il-kumpanija St. Anthony Woodworks hija waħda mill-kumpaniji lokali li diġà ħadu l-inizjattiva u kisbu ċertifikazzjoni tal-kwalità, f’dan il-każ ċertifikazzjoni ISO 9001:2008. Dan setgħet tagħmlu wara li implimentat proċeduri għall-amministrazzjoni tal-kwalità u b’hekk tejjbet l-ippjanar u l-effiċjenza fl-operat tagħha sabiex toffri prodott aħjar lill-klijenti tagħha.

B’madwar 30 impjegat, St Anthony Woodworks ilha taħdem fl-industrija tal-għamara għal madwar erbgħin sena. Fl-aħħar snin, ibbenefikat ukoll darbtejn mill-għajnuna tal-Malta Enterprise biex permezz ta’ skemi ko-finanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali – mill-iskema Ambjent, u l-iskema Innovazzjoni – wieġbet għall-bidla li għadda minnha s-suq li topera fih.

S’issa 570 sid ta’ negozju gawdew bejniethom minn 35 miljun ewro mill-iskemi ta’ għajnuna għall-industrija ko-finanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u se investew kważi 80 miljun ewro fi proġetti ġodda. Fil-ġimgħat li ġejjin se toħroġ ukoll ir-raba’ sejħa għal dawn il-Fondi.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  Report by the Auditor General on the Workings of Local Government for the year 2025

PR262016en

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE Report by the Auditor General o...

More Press Releases Right arrow