IL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX JIFFINANZJA STUDJU DWAR IŻ-ŻGĦAŻAGĦ F’GĦAWDEX
Dettalji miksuba minn studju dwar iż-żgħażagħ Għawdxin ingħataw waqt konferenza li ġiet organizzata mill-Fondazzjoni OASI, organizzazzjoni mhux governattiva li taħdem bil-għan li tgħin żgħażagħ li fost l-oħrajn huma vittmi ta’ abbużi mill-alkoħol u d-droga filwaqt li twettaq ukoll ħidma ta’ prevenzjoni. Young People in Gozo – Study (2) huwa studju dettaljat li minbarra li jaġġorna studju simili li kien sar għaxar snin ilu, jagħti stampa aktar wiesgħa ta’ dik li hi l-ħajja taż-żgħażagħ Għawdxin tal-lum permezz ta’ għadd ta’ mistoqsijiet li ġew ippreżentati lill-aktar minn 300 żagħżugħ ta’ bejn l-għaxra u t-30 sena.
Dan l-istudju, ġie fdat f’idejn Dr Andrew Azzopardi, lekċerer fid-Dipartiment tal-Istudji taż-Żgħażagħ fl-Università ta’ Malta, bil-għan li janalizza, jissuġġerixxi, jipproponi u jippjana strateġiji li fuqhom ikunu jistgħu jiġu meħuda azzjonijiet għall-futur flimkien ma’ riċerka oħra li hija ta’ benefiċċju għaż-żgħażagħ. It-temi tar-riċerka kienu marbuta primarjament mal-aspirazzjonijiet u l-isfidi li qed jiffaċċjaw dawn iż-żgħażagħ Għawdxin f’oqsma bħal dawk relatati ma’ integrazzjoni soċjali; xogħol; kultura; medja; divertiment; il-bidla soċjali; il-konfrontazzjoni tal-isfidi; u d-dipendenza fuq alkoħol, tipjip, droga u vizzji oħra.
Waqt l-inawgurazzjoni ta’ dan l-istudju l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex fissret kif l-għanijiet ta’ dan l-istudju huma konformi ma’ komponent ewlieni tal-viżjoni eko-Għawdex, li tfittex li tilħaq livelli ta’ żvilupp sostenibbli għal gżira ta’ Għawdex f’diversi oqsma soċjo-ekonomiċi. ‘Il-pjan ta’ azzjoni Eko-Għawdex jinkorpora ħidma biex filwaqt li jkompli jikber l-iżvilupp ekonomiku dan ma jkollux impatt negattiv fuq l-ambjent naturali jew l-individwu. Dan jgħin biex jinkiseb ukoll progress soċjali li jsaħħaħ il-komunitajiet u jirriżulta fi kwalità ta’ ħajja aħjar’, qalet l-Onor. Giovanna Debono. Kien għalhekk li dan il-proġett kien approvat taħt skema mnedija mill-Ministeru għal Għawdex li fiha setgħu jipparteċipaw għaqdiet u organizzazzjonijiet mhux governattivi Għawdxin. Il-Fondazzjoni OASI hija waħda minn 38 għaqda jew organizzazzjoni oħra li bħalissa qed itemmu proġetti li jaqblu ma’ xi waħda mill-miżuri elenkati fil-pjan ta’ azzjoni eko-Għawdex 2010-2012.
Il-konferenza li fiha ġie mniedi l-istudju kienet immexxija minn Ryan Mercieca, President tal-Grupp Universitarji Għawdxin u ġiet indirizzata wkoll minn Fr. Emanuel Cordina, Direttur Ġenerali tal-Fondazzjoni OASI. Wara preżentazzjoni qasira Dr. Andrew Azzopardi spjega kif dan l-istudju xjentifiku kien jinvolvi riċerka estensiva li saret bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex, il-Fondazzjoni OASI u d-Dipartiment għall-istudji taż-Żgħażagħ u l-Komunità fi ħdan l-Università ta’ Malta. Huwa fisser kif minn dan l-istudju jidher li ż-żgħażagħ Għawdxin huma bħal ħafna żgħażagħ oħra Maltin iżda fl-istess ħin għandhom imħabba kbira għal dak li jsawwarhom.
Other Press Releases:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en