L-MCAST MITLUB IĦARREĠ STUDENTI LIBJANI
Il-Ministru tax-Xogħol u l-Edukazzjoni Vokazzjonali tal-Libja, Mustafa Rubijani dalgħodu għamel żjara fl-MCAST akkumpanjat mill-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Dolores Cristina bl-iskop li jesplora l-possibbiltà li l-MCAST tgħin fit-taħriġ vokazzjonali ta’ żgħażagħ Libjani.
Matul din iż-żjara l-Ministru Libjan tkellem ma’ studenti li jattendu l-Istitut tal-Inġinerija Elettronika u ra l-apparat sofistikat li hemm f’dan l-Istitut biex jgħin lill-istudenti fl-istudji tagħhom.
F’laqgħa li saret aktar tard mal-Ministru Cristina u l-amministrazzjoni tal-MCAST, il-Ministru Rubijani tkellem dwar id-diffikultajiet li qed jiffaċċja pajjiżu fil-qasam tal-edukazzjoni u qal li qed jitfassal pjan biex eluf ta’ żgħażagħ Libjani jkunu mħarrġa f’diversi oqsma vokazzjonali u t-tagħlim tal-Ingliż. Hu talab lill-MCAST biex din is-sena stess jieħu mijiet ta’ studenti Libjani għall-istudji tagħhom.
Fil-ġimgħat li ġejjin mistennija jkomplu d-diskussjonijiet bejn l-MCAST u uffiċjali tal-Ministeru Libjan biex jinstab mod prattiku kif il-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija jista’ jħarreġ studenti Libjani.
Other Press Releases:
PR262015
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru jinawgura inves...
PR262014