Left arrow Go Back

IPPUBBLIKAT IL-KTIEB ‘THE GOZO CIVIC COUNCIL: THE STORY OF A REGIONAL GOVERNMENT’

PR0058
Date Icon 13/01/2012

Bl-għajnuna tas-Segretarjat Parlamentari li kien responsabbli mill-Kunsilli Lokali u mill-Konsultazzjoni Pubblika, Monsinjur Dr. Joseph Bezzina ppubblika l-ewwel ktieb ta’ storja dwar il-Kunsill Ċiviku għal Għawdex bit-titlu The Gozo Civic Council: the story of a regional government. Il-ktieb jittratta l-mixja lejn l-akkwist ta’ kunsill reġjonali responsabbli mill-affarijiet interni ta’ Għawdex, il-ħidma tal-Kunsill Ċiviku sa mit-twaqqif tiegħu permezz ta’ Ordinanza XI fl-14 ta’ April 1961, u jelenka d-diversi proġetti u inizjattivi li ttieħdu minn din l-istruttura tul is-sittinijiet sakemm kienet abolita fl-1971.

F’diskors li għamel waqt it-tnedija tal-ktieb, il-Ministru għall-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Chris Said ta ġieh lil dawk li ħadmu fil-Kunsill Ċiviku. Hu qal li l-ħidma tagħhom wettqet l-aspirazzjonijiet tal-Għawdxin. Deċiżjonijiet li ttieħdu minnhom u proġetti li nbdew jew saru f’dawk iż-żminijiet servew bħala l-pedamenti biex Għawdex jimmodernizza ruħu.

Il-Ministru Chris Said qal li l-Kunsill Ċiviku għal Għawdex hu importanti għal tliet raġunijiet ewlenin.  Qabelxejn jirrappreżenta l-ewwel esperiment bi Gvern Lokali f’pajjiżna. Barra minn hekk il-Kunsill Ċiviku kien ippjana u ta bidu għal proġetti ta’ fejda bħat-tkabbir tal-port tal-Imġarr, il-bini tal-breakwater, il-bini ta’ żona industrijali fil-limiti tar-Rabat, il-bini ta’ Sptar Ġenerali, il-bini tal-qasam tad-djar f’Taċ-Ċawla, u l-bini ta’ toroq ġodda li għaqqdu l-gżira. Fuq kollox, permezz tat-twaqqif tiegħu, għall-ewwel darba kienet rikonoxxuta r-reġjonalità ta’ Għawdex. 

Il-Ministru Chris Said qal li 50 sena u aktar mit-twaqqif tal-ewwel Kunsill Ċiviku, u 18-il sena mill-introduzzjoni ta’ erbatax-il Kunsill Lokali Għawdxi, il-potenzjal ta’ Għawdex żdied b’mod sostanzjali.  ‘L-Għawdxin huma kreattivi, bieżla, u innovattivi. Kapaċi japplikaw l-ispirtu tal-innovazzjoni f’oqsma differenti: mill-biedja għall-management; mis-servizzi finanzjarji għat-teknoloġija.  Jinħtieġ li Għawdex ikompli jimxi maż-żminijiet. Dan nistgħu nagħmluh billi naħdmu flimkien għal struttura reġjonali, parteċipattiva u responsabbli, li tagħti imbuttatura ġdida lill-iżvilupp tal-gżira tagħna’ qal Chris Said.

Il-Ministru għal Għawdex Giovanna Debono faħħret l-inizjattiva ta’ Mons. Dr Joseph Bezzina u fissret kif dan il-ktieb ser ikompli jagħti kontribut siewi fit-tixrid ta’ għarfien u d-dokumentazzjoni ta’ diversi aspetti tal-istorja ta’ Għawdex flimkien ma’ publikazzjonijiet oħra tal-istess awtur.  Il-Ministru għal Għawdex li din l-inizjattiva torbot ma’ attivitajiet oħra li ġew imtellgħa fl-2011 bħala tifkira xierqa tal-impenn u l-ħidma li saret permezz tat-twaqqif tal-Kunsill Ċiviku ta’ Għawdex ħamsin sena ilu.

Hija kompliet tgħid li dan jista’ jitqies bħala punt ta’ tluq li minnu evolvew kunċetti amministrattivi oħra, li permezz tagħhom baqgħet tiġi indirizzata l-attenzjoni politika għall-bżonnijiet reġjonali tal-gżira ta’ Għawdex.  U allura wieħed jista’ jiġi għall-konklużjoni li dan il-Kunsill Ċiviku kien esperjenza pożittiva tal-passat li serviet ukoll bħala mudell għall-futur’ qalet il-Ministru Giovanna Debono. Żiedet tgħid li t-twaqqif tal-Ministeru għal Għawdex, l-introduzzjoni tas-sistema ta’ Gvern lokali u s-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea lkoll kkontribwew biex il-politika għal Għawdex tkun indirizzata f’kuntest reġjonali fl-isfond ta’ dik li hi l-politika nazzjonali kif ukoll dik Ewropea.

Il-pubblikazzjoni tal-ktieb hi l-aktar inizjattiva riċenti meħuda minn kumitat imwaqqaf mis-Segretarjat Parlamentari għall-Konsultazzjoni Pubblika u mmexxi minn Anton Tabone, maħsuba biex ifakkru t-twaqqif tal-Kunsill Ċiviku għal Għawdex. Matul l-2011 ittellgħu numru ta’ attivitajiet, inkluż konferenza bis-sehem tal-President ta’ CIVEX Luc Van den Brande.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  Il-Prim Ministru jinawgura investiment ta’ €13-il miljun fl-oqsma tat-teknoloġija, is-servizzi regolatorji u l-avjazzjoni

PR262015

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru jinawgura inves...

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  Dr George-Marius Hyzler, Maltese Member of the European Court of Auditors, presents the ECA’s Annual Audit Report on the implementation of the EU Budget for 2025 to Mr Charles Deguara, Auditor General

PR262014

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE Dr George-Marius Hyzler, Maltes...

More Press Releases Right arrow