ĦATRA TA’ SEGRETARJU PERMANENTI FIL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX
Is-Sur John Inguanez b’effett mit-22 ta’ Jannar 2012 se jkun is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għal Għawdex. Hu se jieħu post is-Sur Joe G. Scerri.
John Inguanez daħal fis-servizz pubbliku f’April 1987, wara li ggradwa mill-Università ta’ Malta b’Baċellerat tal-Arti (Hons) fl-Amministrazzjoni Pubblika. Fl-1991 kiseb Diploma fi Studji Avvanzati Ewropej (Admin.) mill-Kulleġġ tal-Ewropa fi Bruges, il-Belġju.
Fl-1991, John Inguanez daħal fid-Direttorat għall-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin fejn ħadem fuq il-fażi preparatorja għas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Bejn 1999 u l-2006, bħala Direttur għall-Policy fl-istess Direttorat, is-Sur Inguanez kellu diversi responsabbilitajiet assoċjati mal-proċess ta’ adeżjoni, inkluż il-koordinament tad-djalogu politiku bejn Malta u l-Unjoni Ewropea. Kien ukoll Viċi Rappreżentant tal-Gvern fil-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Futur tal-Ewropa bejn Frar 2002 u Lulju 2003, u sussegwentement Focal Point tal-Gvern Malti fil-Konferenza Intergovernattiva bejn Ottubru u Diċembru 2003.
F’Marzu 2006, is-Sur Inguanez inħatar Direttur Ġenerali għall-Affarijiet Politiċi fejn kien responsabbli għal kwistjonijiet ta’ natura Multilaterali u Globali, il-Politika ta’ Żvilupp (sal-2009), Relazzjonijiet Bilaterali ma’ pajjiżi barra l-Ewropa, inkluż il-co-chairmanship ta’ numru ta’ Kummissjonijiet Mħallta mal-Libja u t-Tuneżija, kif ukoll għall-affarijiet konnessi mar-reġjun tal-Mediterran. Kien involut ukoll f’diversi oqsma tal-Politika Barranija u ta’ Sigurtà Komuni tal-Unjoni Ewropea u rrappreżenta lil Malta bħala Direttur Politiku fuq livell Ewropew.
John Inguanez hu miżżewweġ lil Darlene née Debattista u għandhom iben, Nicholas.
Other Press Releases:
PR262015
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru jinawgura inves...
PR262014