Left arrow Go Back

L-EKONOMIJA TA’ PAJJIŻNA KOMPLIET TIKBER U TOĦLOQ IX-XOGĦOL. IL-QAGĦDA FINANZJARJA TA’ PAJJIŻNA HIJA KREDIBBLI U SOSTENIBBLI

PR0048
Date Icon 12/01/2012

Stqarrija mill-Ministeru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment b’reazzjoni għall-konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista

L-ekonomija ta’ pajjiżna kompliet tikber u toħloq ix-xogħol filwaqt li l-qagħda finanzjarja hija kredibbli u sostenibbli. Fit-tentattiv tagħha li tiskredita r-riżultati ekonomiċi u finanzjarji tal-pajjiż, l-Oppożizzjoni tkompli l-kampanja ta’ negattività billi tbeżża’ li r-reviżjoni mħabbra għall-Budget 2012 il-Ġimgħa li għaddiet b’xi mod se jkollha xi impatt fuq il-pensjonijiet u s-servizzi soċjali kif ukoll fuq l-ispending power tal-familji Maltin u Għawdxin. Dan mhux minnu.

In-nefqa rikurrenti fuq is-saħħa, l-edukazzjoni, is-sostenn socjali u s-sostenn għall-iżvilupp kummerċjali, industrijali u kreattiv tal-pajjiż żdiedet. Għall-kuntrarju, fil-Budget 2012, u fir-reviżjoni mħabbra dan l-aħħar, qed jissaħħu l-isforzi biex titnaqqas in-nefqa operattiva u amministrattiva tal-Gvern. Din in-nefqa tfisser żieda fl-effiċjenza fl-operat tal-Gvern u l-multiplier effect li jista’ jkollha hija aktar effiċjenza fl-ekonomija, kuntrarju għal dak li qed tivvinta l-Oppożizzjoni.

Il-Budget ġie preżentat f’kuntest partikolari. Dik li kienet kriżi finanzjarja u ekonomika kibret  għal waħda fejn pajjiżi kbar niżlu għarkuppjtehom għaliex għandhom żbilanċi u djun għolja ħafna. Kriżi, li partikolarment minħabba ċ-ċirkostanzi tal-Italja, kompliet taggrava lejn tmiem is-sena 2011. Pajjiżna mhux maqtugħ mir-realtà. Fl-2008, pajjiżna kien qed jimmira għall-bilanċ fil-budget. Iżda fid-dawl tal-kriżi internazzjonali, il-Gvern għażel li jinvesti fl-ekonomija biex isalva u joħloq ix-xogħol. Dan l-oġġettiv qed jintlaħaq, mingħajr ma ġiet ipperikolata l-qagħda finanzjajra tal-pajjiż. Fl-aħħar 4 snin, inkluż din is-sena, il-Gvern investa b’mod qawwi biex noħolqu aktar xogħol f’pajjiżna.  B’direzzjoni ċara u inizjattivi konkreti ġie evitat li l-kriżi internazzjonali twassal biex jiżdied il-qgħad. 

Mhux talli l-qgħad ma żdiedx. L-Unjoni Ewropea għadha kif ħabbret li pajjiżna kien wieħed minn tmien pajjiżi Ewropej biss li kellu żieda fil-livelli ta’ mpjieg tiegħu, ta’ 3.9%, żieda li hija t-tieni l-aqwa waħda fl-Ewropa, wara l-Lussemburgu, meta mqabbel mal-perjodu ta’ qabel il-kriżi. L-istess rapport jirrimarka li Malta esperjenzat tkabbir ekonomiku ogħla mill-maġġoranza tal-pajjiżi Ewropej. Dan fisser li bid-deċiżjonijiet responsabbli li ħa l-Gvern pajjiżna mhux biss iddefenda dak li kiseb iżda bena fuqu u qed jagħti ħajja aħjar lill-familji.

Dan kollu sar b’għaqal u responsabbiltà finanzjarja. Il-bieraħ, l-Unjoni Ewropea kkonfermat li l-finanzi tal-pajjiż huma kredibbli u sostenibbli. Din l-aħbar hija tajba għall-pajjiż, għall-familji. Hija tajba għaliex tagħmel minn Malta pajjiż aktar attraenti għall-investitur barrani. Iżda l-Oppożizzjoni jinteressaha biss l-interess partiġġjan, u biex tilħaq dan l-għan, lesta li tipprova ddgħajjef din l-aħbar u fl-istess ħin tagħmel ħsara lill-pajjiżna.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  Il-Prim Ministru jinawgura investiment ta’ €13-il miljun fl-oqsma tat-teknoloġija, is-servizzi regolatorji u l-avjazzjoni

PR262015

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru jinawgura inves...

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  Dr George-Marius Hyzler, Maltese Member of the European Court of Auditors, presents the ECA’s Annual Audit Report on the implementation of the EU Budget for 2025 to Mr Charles Deguara, Auditor General

PR262014

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE Dr George-Marius Hyzler, Maltes...

More Press Releases Right arrow