AKTAR PROĠETTI TA’ RESTAWR FIL-BELT KAPITALI – INVESTIMENT FIL-PASSAT GĦALL-FUTUR
Il-Gvern qed jinvesti bis-sħiħ fir-restawr tal-wirt storiku ta’ pajjizna. Il-proġetti ta’ restawr li qed isiru madwar pajjiżna partikolarment fil-belt Kapitali jkomplu jikxfu l-patrimonju ta’ pajjiżna u joħolqu aktar xogħol.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali George Pullicino llum ħabbar proġett ieħor ta’ restawr fuq il-Monument tal-Qanpiena l-Belt Valletta. Dan il-monument ġie nawgurat fid-29 ta’ Mejju 1992 mir-Reġina Eliżabetta II u mill-President ta’ Malta Dott. Ċensu Tabone biex jikkommemora l-Ħamsin Anniversarju ta’ meta Malta ġiet mogħtija l-George Cross, u biex iffakkar madwar 7,000 persuna li tilfu ħajjithom matul l-Assedju ta’ Malta bejn 1940 u 1943. Dawn il-persuni huma mfakkra permezz ta’ statwa tal-bronz li tinsab fit-tarf tas-Sur ta’ San Kristofru. Il-Qanpiena tal-Bronz, li tiżen mal-għaxar tunellati, tindaqq darba kuljum f’nofsinhar. Din is-sena qed jiġi kkommemorat is-sebgħin sena minn meta Malta ġiet mogħtija il-George Cross.
Ix-xoghol ta’ manutenzjoni fuq dan il-monument inbeda ftit xhur ilu meta l-mekkaniżmu li jħaddem il-qanpiena nbidel għal wieħed aktar modern wara li dak oriġinali waqaf jaħdem. Issa beda xogħol ta’ manutenzjoni fuq il-monument innifsu, u qed isir minn ħaddiema tal-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta li tifforma parti mid-Direttorat tar-Restawr. Dan il-monument maħdum fil-ġebel u miftuħ għal numru ta’ elementi fosthom il-melħ peress li jinsab viċin il-baħar. Dan iwassal biex jiżviluppaw ukoll numru ta’ ħsarat. Ix-xoghol se jiswa madwar €10,000.
Il-Ministru Pullicino fakkar kif il-Gvern f’din il-parti tal-Belt Valletta qed jinvesti mas-€600,000. F’dawn l-aħħar xhur tlesta x-xogħol fuq ir-restawr tas-Sur ta’ San Kristofru - taħt il-monument tal-Qanpiena, kif ukoll qed ikun konkluż ix-xogħol fuq is-sur ta’ taħt il-Barrakka ta’ Isfel u s-Sur ta’ Santa Luċia. Dan ix-xogħol, sostna l-Ministru Pullicino, qed isir b’investiment minn fondi nazzjonali li jikkumplimenataw il-proġett estensiv ta’ restawr ta’ 6 kilometri ta’ Swar fil-Belt, il-Birgu, l-Imdina u ċ-Cittadella b’investiment ta’ €36 Miljun minn fondi tal-Unjoni Ewropea.
Other Press Releases:
PR262015
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru jinawgura inves...
PR262014