NIĠĠIELDU L-OBEŻITÀ FOST IT-TFAL: IMNIEDI PROĠETT LI SE JISTUDJA L-MOVIMENT, L-ATTIVITÀ FIŻIKA U L-ISTIL TA’ ĦAJJA TAT-TFAL MALTIN
L-Onor Clyde Puli, Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport, dalgħodu nieda l-proġett Mal-ta (movement, activity & lifestyle-tweens in action) li ġie imniedi fl-iskola primarja tas-Siġġiewi. Dan l-istudju se jsir bejn Jannar u Mejju ta’ din is-sena minn Andrew Decelis bħala parti mill-istudju għad-dottorat tiegħu.
Dan il-proġett għandu l-għan li jistudja l-moviment, l-attivitajiet u l-istil ta’ ħajja tat-tfal Maltin bejn 10 u 11-il sena (tweens).
Waqt id-diskors tiegħu l-Onor Puli saħaq dwar il-bżonn ta’ evidenza xjentifika dwar il-bilanċ tal-ħin li t-tfal iqattgħu jagħmlu attività fiżika u l-ħin sedentarju tagħhom. Dan jgħin biex titfassal il-politika dwar l-isport u l-eżerċizzju fiżiku adattata.
Hu fakkar kif fl-aħħar 3 snin il-Gvern waqqaf l-SPU (Sport Promotion Unit) biex tħarreġ lit-tfal tal-iskejjel fl-isport, qabel, waqt u wara l-ħinijiet tal-iskola. Dan wassal biex l-iskejjel kollha primarji jiġu offruti taħriġ fi sport bażiku fis-snin tal-primarja. Fakkar ukoll l-impenn tal-Gvern li jibni faċilitajiet sportivi ta’ kwalità fl-iskejjel tal-Gvern. F’dawn l-aħħar snin inbnew numru kbir ta’ faċilitajiet sportivi fl-iskejjel u madwar Malta u Għawdex.
Dan huwa l-ewwel studju lokali li qed juża apparat sofistikat (accelerometers) biex ikejjel l-attività fiżika u l-inattività b’mod oġġettiv minflok bl-użu ta’ kwestjonarju li mhux dejjem jagħti riżultati realistiċi. Dan l-apparat ċkejken li jintlibes fuq ċinturin jista’ jkejjel il-frekwenza, l-intensità u t-tul ta’ ħin ta’ attività u inattività. Ir-riżultati jistgħu ukoll ikunu magħżula skont ħinijiet differenti matul il-ġurnata u skont ġranet matul il-ġimgħa u anke tmiem-il ġimgħa. B’hekk għall-ewwel darba se jkollna stampa ċara ta’ x’qed jagħmlu t-tfal tagħna. Permezz ta’ kwestjonarju, dan l-istudju mbagħad se jidħol f’iktar dettall dwar l-attivitajiet li jsiru, fejn u ma’ min isiru. Studju preliminari li sar is-sena l-oħra wera li s-subien Maltin huma attivi għal 38 minuta kuljum, u li l-bniet Maltin huma attivi għal madwar 25 minuta kuljum, dan filwaqt li World Health Organisation tirrakomanda li dawn ikunu attivi għal siegħa kuljum. Dan ifisser li f’Malta 7.4% u 1.1% biss tas-subien u bniet rispettivament huma attivi għal siegħa kuljum. Dan jikkonferma trend Dinija u Ewropea ta’ nuqqas ta’ attività fiżika u obeżità fost il-popli avvanzati tad-dinja. Skont stħarriġ tal-Eurobarometer jidher li mal-Ewropa kollha 65% tan-nies jipprattikaw xi tip ta’ eżerċizzju fiżiku talanqas darba fil-ġimgħa u f’Malta dan il-persentaġġ huwa ta’ 62%.
Dan l-istudju se jagħti aktar data preċiża wkoll għat-tul u l-piż tat-tfal u ħafna studji lokali li saru huma bbażati fuq it-tul u l-piż li tawhom it-tfal stess. Għal dan l-istudju numru ta’ assistenti riċerkaturi mħarrġa se jieħdu l-kejl u l-piż. B’hekk jista’ jinħadem il-body mass index li huwa indiċi ta’ obeżità u nistgħu noħorġu l-percentwali preċiżi ta’ kemm hawn tfal li għandhom piż żejjed.
Wara li jsir dan il-kejl oġġettiv, għan ieħor hu li tiġi esplorata r-relazzjoni bejn l-attività fiżika u l-piż. Din ir-relazzjoni se tiġi esplorata wkoll f’ħinijiet differenti matul il-ġimgħa, u għas-subien u għall-bniet separatament. L-istudju preliminari fuq kampjun ta’ mitejn wera li tfal ta’ piż eċċessiv huma inqas attivi, anke waqt il-ħin tal-iskola. Dan l-istudju b’ kampjun ħafna akbar ta’ 1200 tifel u tifla minn 56 skola, magħżul mill-NSO, se jidħol f’iktar dettall f’dawn il-fatturi, kif ukoll jistudja fatturi oħra soċjo-demografiċi u ambjentali, inkluż l-ambjent tal-iskola. Se jiġu mistoqsija wkoll domandi bażiċi dwar in-nutrizzjoni tat-tfal.
B’hekk dan l-istudju se jimla vojt li hawn fir-riċerka lokali li tkejjel l-attività u l-inattività b’mod oġġettiv u se jfassal profil tal-attivitajiet tat-tfal. Dan kollu għandu jkun utli għat-tifsil ta’ politika fil-qasam tas-saħħa, attivita` fiżika, sport. Din hija okkażjoni wkoll biex jiġi mkejjel ix-xogħol li sar fl-aħħar snin lejn it-tisħiħ ta’ kultura ta’ attivita fiżika u sport u ta’ stil ta’ ħajja b’saħħtu.
Preżenti għal din it-tnedija kien hemm wkoll Dr. Charmaine Gauci, Direttur tad-Dipartiment tal-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard u Micheline Sciberras, Direttur Ġenerali tad-Direttorat tas-Servizzi Edukattivi.
Dan l-istudju huwa sponsorjat minn Urban Jungle u ssapportjat mis-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport, mid-Dipartiment tal-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard u mid-Direttorat tas-Servizzi Edukattivi.
Other Press Releases:
PR262015
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru jinawgura inves...
PR262014