STABBILITÀ EKONOMIKA U TMEXXIJA GĦAQLIJA JWASSLU GĦAL REKORDS U AKTAR INVESTIMENT FIT-TURIŻMU
Il-lukanda Valentina f’San Ġiljan qed tinvesti aktar minn €5.5m fi proġett importanti ta’ estensjoni u upgrading u se żżid in-numru ta’ impjegati minn 8 għal 25. Dan tħabbar waqt żjara tal-Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment, Tonio Fenech u l-Ministru għat-Turiżmu, l-Kultura u l-Ambjent, Mario de Marco, fl-istess lukanda. Il-lukanda Valentina bbenefikat minn skema tal-Gvern u amministrata mill-Malta Enterprise, ta’ sussidju fuq l-imgħax sa 3% fuq self li jistgħu jieħdu l-lukandi u r-ristoranti biex iwettqu xogħol ta’ upgrading fl-istabbilimenti tagħhom.
Il-Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment, Tonio Fenech, spjega li din hija esperjenza ta’ kumpanija żgħira li minkejja d-diffikultajiet kollha ta’ madwarna, qed tinvesti sostanzjalment biex tkabbar u tilqa’ aktar persuni, u fuq kollox itejjeb il-prodott u s-servizz tagħha li toffri lill-barranin u l-Maltin li jżuruha: “Dan huwa wkoll sinjal ta’ stabbiltà – imprendituri li minkejja l-isfidi kbar ħafna li hemm barra minn xtutna, u mewġ ieħor fir-reġjun, qed jagħrfu r-responsabbiltà u l-għaqal li miexi bih il-Gvern fit-tmexxija ta’ pajjiżna, għaqal li qed jissarraf fi stabbiltà. Stabbiltà li qed tissarraf fir-riżultati rekord li pajjiżna qed jikseb fil-qasam tat-turiżmu, li reġa’ laħaq livelli rekord fl-2011. Dan ma ġarax b’kumbinazzjoni. Ġara għax investejna. Investejna fir-rotot low-cost, investejna fl-Air Malta, investejna fil-prodott turistiku lokali. Imma stajna nagħmlu dan – għaliex kellna l-flessibbiltà finanzjarja għax fl-aħħar snin ħdimna bilgħaqal.”.
Huwa frott ukoll ta’ politika li tħares ix-xogħol – ċifri ppubblikati kmieni din is-sena mill-Eurostat jibqgħu jikkonfermaw il-ħolqien tax-xogħol f’pajjiżna, fejn il-qgħad niżel minn 6.8% għal 6.4% minn Novembru 2010 għal Novembru 2011, filwaqt li l-qgħad fil-medja taż-żona ewro u l-Unjoni Ewropea kompla jiżdied.
Il-Ministru għat-Turiżmu, l-Kultura u l-Ambjent, Mario de Marco, qal li l-proġett tal-Valentina Hotel isaħħaħ il-prodott turistiku li joffri pajjiżna. Hu qal li l-iskema ta’ sussidju fuq l-imgħax sa 3% fuq self li jistgħu jieħdu l-lukandi u r-ristoranti biex iwettqu xogħol ta’ upgrading fl-istabbilimenti tagħhom hija skema li qed tħeġġeġ lill-operaturi turistiċi biex isaħħu l-prodott u s-servizz li joffru lit-turist. Din l-iskema, tenna Mario de Marco, hija għalhekk skema li ssaħħaħ ukoll il-kompettitivita’ tas-settur turistiku. Mario de Marco rrefera wkoll għal diversi skemi oħra għall-operaturi turistiċi li qed iwasslu biex dawn jingħataw assistenza li tgħin l-operat u l-investiment tagħhom. Fost dawn, semma’ l-iskema ta’ €10 miljun, ko-finanzjati mill-UE, għall-proġetti ta’ turiżmu sostennibli, l-iskema ta’ soft loans li għandha l-għan li tinkoraġixxi miżuri ta’ enerġija effiċjenti kif ukoll skemi oħra li jinkoraġixxu l-investiment f’enerġija alternattiva bħal Eco Certification Scheme tal-MTA u l-Fond Sostenibbli għall-Enerġija. Mario de Marco faħħar l-inizjattiva tal-Valentina Hotel u ħeġġeġ lill-operaturi biex jibqgħu jipparteċipaw fid-diversi skemi li jwasslu għat-tisħiħ tal-prodott u l-kompettività.
Other Press Releases:
PR262015
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru jinawgura inves...
PR262014