WIRJA LI TFAKKAR L-40 ANNIVERSARJU MILL-MEWT TA’ NINU CREMONA
Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono inawgurat wirja li qed tittella’ fil-Banca Giuratale fir-Rabat Għawdex, dwar il-ħajja u l-ħidma ta’ Ninu Cremona, fl-okkażjoni tal-40 anniversarju mill-mewt tiegħu. Il-wirja tinkludi numru ta’ ritratti storiċi kif ukoll manuskritti, kotba u oġġetti oħra marbuta mal-ħajja u l-ħidma ta’ Ninu Cremona.
Il-Ministru Giovanna Debono rringrazzjat lil dawk kollha li ħadmu u taw kontribut biex ikun jista’ jingħata ġieħ xieraq lil Ninu Cremona filwaqt li jiżdied l-għarfien dwar il-kontribut kbir li huwa ta fil-qasam letterarju ta’ pajjiżna. Hija qalet li minbarra li kien studjuż u ħaddiem, Ninu Cremona kien patrijott li ħabb il-lingwa Maltija u ħadem biex din tikseb id-dinjità li jistħoqilha. Żiedet tgħid li fid-dawl ta’ dan, din il-wirja għandha tkun ukoll ta’ kontribut biex jibqa’ jiġi mwassal il-messaġġ dwar l-importanza li għandha tibqa’ tingħata l-lingwa li tagħti identità lill-poplu Malti u Għawdxi. Il-Ministru għal Għawdex awgurat li din l-esebizzjoni jirnexxiela tixpruna aktar interess u apprezzament fil-kitba u l-qari bil-Malti fost ġenerazzjonijiet differenti filwaqt li ħeġġet li tiġi promossa fil-qasam edukattiv permezz ta’ żjajjar minn studenti li jattendu l-iskejjel primarji u sekondarji f’Għawdex.
Il-wirja, li qed tittella’ mill-Ministeru għal Għawdex flimkien mal-Uffiċċju tal-Kultura u Informazzjoni, ser tibqa’ miftuħa sal-Ġimgħa 20 ta’ Jannar, mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-8 a.m. u t-3 p.m., is-Sibt bejn it-8 a.m. u nofsinhar, u l-Ħadd bejn id-9 a.m. u nofsinhar. L-istess wirja ser tittella’ wkoll fil-Bibljoteka Nazzjonali fil-Belt Valletta mill-25 ta’ Jannar ‘il quddiem.
Sadanittant, nhar il-Ġimgħa 13 ta’ Jannar, ser issir taħdita pubblika mis-Sur Joe Camilleri dwar il-ħajja u l-kitbiet ta’ Ninu Cremona, li jinkludu fost l-oħrajn studju miġbur fil-ktieb Tagħrif fuq il-Kitba Maltija (1924), il-bijografija Mikiel Anton Vassalli u Żminijietu (1937) u d-dramm Il-Fidwa tal-Bdiewa. It-taħdita ser issir fil-Banca Giuratale u ser tibda fis-7 p.m. Il-pubbliku huwa mistieden.
Fl-okkażjoni tal-40 anniversarju mill-mewt ta’ Cremona, il-ġimgħa li għaddiet, il-Maltapost ħarġet ukoll timbru speċjali li jista’ jinkiseb mill-fergħa ta’ Maltapost fi Triq ir-Repubblika fir-Rabat Għawdex.
Other Press Releases:
PR262015
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru jinawgura inves...
PR262014