TNEDIJA TAL-EWWEL KONFERENZA AWDJO-VIŻIVA DIRETTA FIĊ-ĊENTRU GĦAWDXI TAL-ARTI U L-ARTIĠJANAT WISTIN CAMILLERI
Nhar il-Ħamis 26 ta’ Jannar 2012, iċ-Ċentru Għawdxi tal-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri f’Għajnsielem ser iniedi l-ewwel konferenza awdjo-viżiva diretta (DVC), permezz ta’ kollaborazzjoni bejn l-Ambaxxata Amerikana u ċ-ċentru f’Għawdex. L-Ambaxxata Amerikana offriet l-appoġġ tekniku kollu li permezz tiegħu l-parteċipanti f’Għawdex ser ikunu jistgħu jsegwu taħdidiet li jkunu qed jittellgħu fl-Amerika.
L-ewwel konferenza awdjo-viżiva diretta ser tkun titratta r-reklami Amerikani antiki, filwaqt li t-tieni waħda li ser issir il-Ġimgħa 17 ta’ Frar 2012 ser tkun dwar l-artist famuż Amerikan Edward Hopper u x-xogħlijiet tiegħu. Dawn il-konferenzi ser ikunu trażmessi f’pajjiżi oħrajn barranin.
Fl-istess jum, il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono ser tinawgura wirja li ser tittella’ fis-sala tal-wirjiet tal-istess ċentru, u li ser tkun qed tesponi materjal promozzjonali Amerikan, kif ukoll simboli Amerikani u kartelluni ta’ films Amerikani li ntwerew qabel l-1975.
Ċittadini Amerikani li huma residenti f’Għawdex huma mistiedna li jissottomettu materjal relatat biex ikun esebit f’din il-wirja u huma mitluba jagħmlu kuntatt maċ-Ċentru Għawdxi tal-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri permezz tal-indirizz elettroniku gozo.art.sch@gov.mt jew permezz ta’ SMS fuq 79830774.
Other Press Releases:
PR262015
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru jinawgura inves...
PR262014