IL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX INIEDI L-KALENDARJU KULTURALI 2012
Il-kalendarju kulturali għal Għawdex għas-sena 2012 ġie mniedi mill-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret dalgħodu fil-ġonna Villa Rundle, f’Victoria. Gozo 365 – Your Rendezvous with Culture, qed jiġi ppreżentat fi ktejjeb li jista’ jinġarr faċilment u li fih jinkorpora informazzjoni u tagħrif dwar attivitajiet kulturali li ser jittellgħu f’Għawdex matul is-sena kollha. Dawn jinkludu wirjiet artistiċi u attivitajiet mużikali, teatrali u letterarji flimkien ma’ avvenimenti tradizzjonali bħal ma huma l-karnival, il-festi tal-lokalitajiet u festi nazzjonali. Barraminhekk ġiet inkluża wkoll informazzjoni dwar lokalitajiet u siti storiċi popolari u oħrajn inqas magħrufa.
Il-Ministru Giovanna Debono spjegat kif l-għan ewlieni ta’ din il-pubblikazzjoni huwa dak li jservi bħala għodda valida li permezz tagħha jiġu reklamati attivitajiet u avvenimenti li jservu ta’ attrazzjonijiet miżjuda għal min iżur il-gżira ta’ Għawdex matul is-sena li ġejja. Hija żiedet tgħid kif matul dawn l-aħħar snin il-qasam kulturali f’Għawdex kompla jiġi msaħħaħ permezz ta’ diversi attivitajiet mtella’ minn għadd ta’ entitajiet bil-parteċipazzjoni ta’ talent lokali, u li issa ġew stabbiliti bħala avvenimenti annwali popolari kemm mal-Għawdxin kif ukoll mal-Maltin u barranin. Il-Ministru għal Għawdex faħħret l-inizjattiva li biha jopera l-Uffiċċju tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex li minbarra li jikkoordina ħidma biex jorganizza bosta attivitajiet matul is-sena, jagħti wkoll sostenn lil bosta entitajiet u għaqdiet oħra li jtellgħu attivitajiet kulturali madwar Għawdex kollu. ‘Dan huwa rifless fis-sinerġija stabbilita fil-qasam kulturali f’Għawdex permezz ta’ kollaborazzjoni sħiħa bejn l-istess Ministeru u diversi għaqdiet soċjali u kulturali Għawdxin’, żiedet tgħid il-Ministru Giovanna Debono filwaqt li fissret kif Gozo 365 – Your Rendezvous with Culture qed ikun ukoll ta’ kontribut biex il-Ministeru għal Għawdex ikompli jtejjeb il-kwalità tal-kontenut kulturali u b’hekk tiġi wkoll imtejba l-esperjenza tal-viżitaturi f’Għawdex. ‘Dan huwa wkoll konformi mal-objettivi ta’ żvilupp sostenibbli skont il-pjan ta’ azzjoni dwar eko-Għawdex għal perjodu 2010-2012 fir-rigward tal-qasam kulturali li huwa marbut mal-karatteristiċi ewlenin li jagħtu identità distinta lil gżira ta’ Għawdex” qalet il-Ministru Debono.
Huwa maħsub li minbarra l-publikazzjoni annwali, tiġi stampata verżjoni oħra kull tliet xhur li tkopri l-attivitajiet tax-xhur rispettivi sabiex titqassam fid-djar kollha f’Għawdex, kif ukoll f’postijiet oħra f’Malta. L-Uffiċċju tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex ikkordina ħidma biex flimkien mal-attivitajiet li ser jiġu organizzati mill-istess uffiċċju t-tagħrif fil-publikazzjoni Gozo 365 – Your Rendezvous with Culture ikun jinkludi wkoll informazzjoni dwar attivitajiet organizzati minn entitajiet differenti minn madwar Għawdex, fosthom Kunsilli Lokali, Parroċċi u Għaqdiet Mhux Governattivi Għawdxin.
Kopja ta’ dan il-kalendarju tista’ tiġi rikjesta fuq l-indirizz elettroniku info@gozoculture.com.
Other Press Releases:
PR262015
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru jinawgura inves...
PR262014