STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-KONSUMATURI, KOMPETIZZJONI ĠUSTA, KUNSILLI LOKALI U KONSULTAZZJONI PUBBLIKA
L-interess tal-Gvern hu li r-residenti f’Tas-Sliema jkollhom Kunsill Lokali li jiffunzjona
Fl-eventwalità li l-Gvern jagħti parir lill-President biex il-Kunsill Lokali Tas-Sliema jiġi xolt, dan il-parir ikun imnebbaħ mill-interessi tal-komunità f’Tas-Sliema u mhux minn xi interess partiġġjan kif qed jiġi allegat mill-Oppożizzjoni.
L-argument tal-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kunsilli Lokali dwar il-pożizzjoni li qed jieħu l-Gvern fil-konfront tal-Kunsill Lokali Tas-Sliema ma jreġix. Dan għaliex fil-passat, il-Gvern ta parir biex ikunu xolti Kunsilli Lokali oħra minħabba raġunijiet varji. Dawn il-Kunsilli Lokali jinkludu Raħal Ġdid, Ta’ Sannat u l-Imtarfa li żgur ma jistax jingħad li kienu xolti sabiex jingħata vantaġġ politiku li xi partit jew ieħor.
Barra minn hekk, fix-xhur li għaddew, il-Partit Laburista u l-mezzi tax-xandir tiegħu kemm-il darba għamlu stejjer dwar in-nuqqasijiet li kien hemm fil-Kunsill Lokali f’Tas-Sliema. Fid-29 ta’ Lulju 2010, il-portal elettroniku tal-Partit Laburista ppubblika storja dwar ‘Bickering Sliema councillors to meet today’. Fis-17 ta’ Awwissu 2010, l-istess portal tal-aħbarijiet tal-Oppożizzjoni rrapporta li ‘Residents (are) not amused by Sliema Local Council’. F’dawn ir-rapporti, il-portal tal-aħbarijiet tal-Oppożizzjoni jikkwota persuni u għaqdiet li jispjegaw kif is-sitwazzjoni fil-Kunsill Lokali Tas-Sliema kienet qed twassal biex ma jittieħdux deċiżjonijiet meqjusa urġenti u tant meħtieġa għal-lokalità.
Il-Gvern itenni li l-Avviż Formali fil-konfront tal-Kunsill Lokali Tas-Sliema inħareġ ilbieraħ wara rapport li tfassal mid-Direttur għall-Gvern Lokali u li fih il-Gvern ingħata l-parir biex ixolji l-Kunsill Lokali Tas-Sliema. Il-Gvern qed isegwi l-proċedura stabbilita b’Artiklu 22 (b) tal-Liġi tal-Kunsilli Lokali (Kap 363) u li permezz tagħha avża lill-Kunsill Lokali Tas-Sliema li jekk is-sitwazzjoni fi ħdanu ma tiġix rimedjata fi żmien għaxart’ijiem, se jingħata parir lill-President biex il-Kunsill Lokali jiġi xolt.
Il-Gvern ifakkar li fir-rapport tad-Direttur għall-Gvern Lokali jissemmew l-investigazzjonijiet li saru mill-Internal Audit and Investigations Directorate (IAID). Fuq talba tad-Direttur Ġenerali responsabbli mill-Gvern Lokali, l-IAID investiga diversi allegazzjonijiet li saru fuq il-Kunsill Lokali Tas-Sliema. Ħafna minn dawn l-irregolaritajiet kienu kkonfermati. B’rabta ma’ dawn l-irregolarijiet jissemmew ex-Sindku, ex-Segretarju Eżekuttiv, ex-deputat Segretarju Eżekuttiv, u numru ta’ membri tal-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema. L-ex Sindku u kunsillieri lokali tressqu wkoll il-Qorti akkużati b’reati differenti.
Id-Direttur għall-Gvern Lokali jispjega wkoll dak li rriżulta minn eżerċizzju ta’ monitoraġġ tal-laqgħat tal-Kunsill Lokali Tas-Sliema u li sar biex ikun evalwat l-andament tal-operat tal-istess Kunsill. Dan l-eżerċizzju wera biċ-ċar li qed ikun hemm ċirkustanzi fejn il-Kunsill Lokali mhux qed ikun jista’ jkompli bl-operat tiegħu minħabba tfixkil li beda wara l-proċeduri legali li nbdew fil-Qorti u minħabba nuqqas ta’ ftehim bejn il-kunsillieri.
Other Press Releases:
PR262015
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru jinawgura inves...
PR262014