Left arrow Go Back

L-EWWEL EDIZZJONI BIL-MALTI TAL-“L-AVVANZ TAL-PELLEGRIN” TAL-AWTUR JOHN BUNYAN

pr2425
Date Icon 12/12/2011

Wara 333 sena mill-pubblikazzjoni tal-ewwel edizzjoni tal-ktieb klassiku Kristjan “The Pilgrim’s Progress” tal-awtur John Bunyan, illum għandna wkoll traduzzjoni f’ilsien pajjiżna. L-ewwel edizzjoni bil-Malti: “L-Avvanz tal-Pellegrin” ġiet inawgurata nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Frar 2011 fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, f’serata li għaliha attendew diversi mistiedna kif ukoll numru sabiħ ta’ residenti tal-istess Faċilità. Attività bħal din minn dan il-post qatt ma saret s’issa. Dan il-post ma ġiex magħżul b’kumbinazzjoni jew b’kapriċċ, iżda ngħażel għaliex l-awtur John Bunyan kiteb il-ktieb tiegħu propju meta kien qed jiskonta sentenza ta’ tnax-il sena fil-ħabs ta’ Bedfordshire, mixli bi ksur tal-‘Conventicle Act’, li kienet tipprojbixxi li jsiru attivitajiet reliġjużi ħlief fil-bini tal-Knisja Anglikana.

“L-Avvanz tal-Pellegrin” hu tradott f’aktar minn mitejn lingwa differenti. Fil-fatt, skont Patricia Hurry, il-Librara tal-John Bunyan Museum, ġewwa Bedford, l-edizzjoni bil-Malti hija l-214 il-waħda!

“L-Avvanz tal-Pellegrin” jista’ jidher li huwa ktieb fuq vjaġġ minn belt għal oħra, iżda fil-verità huwa storja ta’ ħajja. Il-ktieb ipenġi l-ħajja li Bunyan innifsu għex u fl-istess ħin, il-ħajja li kull Kristjan jista’ sostanzjalment jidentifika ruħu magħha.

Ix-xogħol ta’ traduzzjoni u pubblikazzjoni dam sejjer seba’ snin sħaħ. It-traduzzjoni għall-Malti hi fidila għall-oriġinali, mirquma, u miktuba bi stil mexxej. Jintużaw xi ftit kliem diffiċli, imma dawn huma mfissra fil-footnotes. Mhux ktieb faċli – irid jinqara bil-mod u bil-ħsieb – għax tant fih rikezzi u ġid. Skont it-traduttur Joseph Farrugia dan il-ktieb brillanti huwa verament ikel bnin għar-ruħ u jaqbel perfettament ma’ John Newton, l-awtur tal-għanja famuża ‘Amazing Grace’, li qal, “Insib dan il-ktieb tant huwa mimli b’materjal ta’ kwalità li rarament jirnexxili naqra aktar minn paġna waħda, jew nofs paġna f’daqqa.”

L-iskop ewlieni ta’ din it-traduzzjoni dejjem kien, u għadu, sabiex dawk kollha li ma jaqrawx ħlief bl-ilsien Malti jkunu jistgħu jaqraw dan il-ktieb daqshekk importanti. Din it-traduzzjoni tista’ sservi wkoll biex dawk li jaqraw bl-Ingliż u s’issa qatt ma ddeċidew li jaqraw dan il-ktieb jieħdu din l-opportunità u jagħmlu dan bil-Malti. Żgur li fih għandhom isibu barkiet kotrana.

Is-Sur Farrugia ippreżenta numru ta’ kotba lid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi biex jitpoġġew fil-librerija tal-iskejjel sekondarji. Id-Direttur Ġenerali, Micheline Sciberras, irringrazzjat lis-Sur Farrugia tal-inizjattiva u qalet li tinsab ċerta li dan il-ktieb se joffri esperjenza unika fl-iżvilupp tal-personalità lil dawk iż-żgħażagħ kollha li jaqrawh.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  Dr George-Marius Hyzler, Maltese Member of the European Court of Auditors, presents the ECA’s Annual Audit Report on the implementation of the EU Budget for 2025 to Mr Charles Deguara, Auditor General

PR262014

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE Dr George-Marius Hyzler, Maltes...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX  Jitnieda l-programm ‘Il-Milied f’Għawdex 2026’, biċ-ċelebrazzjonijiet jibdew bil-kunċert spettakolari ‘Christmas It’s Time’

PR262013

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Jitnieda l-programm ‘Il-Milied f’Għa...

More Press Releases Right arrow