Left arrow Go Back

ATTENZJONI SPEĊJALI GĦAN-NEGOZJI ŻGĦAR

pr2287
Date Icon 25/11/2011

“In-negozji micro, jiġifieri dawk li jħaddmu sa 9 persuni, u s-self employed, igawdu minn attenzjoni speċjali mill-Gvern, u għalhekk għalihom hemm skemi u inċentivi li jgħinuhom jibbenefikaw minn diversi fondi u tnaqqis fit-taxxa, biex ikunu jistgħu jinvestu u joħolqu x-xogħol.”  Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għal Negozji Żgħar u Artijiet Jason Azzopardi llum waqt li kien qed iżur ħanut tal-ħwejjeġ f’Birkikara li fl-aħħar sena gawda minn tnaqqis fit-taxxa grazzi għall-iskema MicroINVEST.

Twenty2, huwa ħanut tal-ħwejjeġ li ilu jopera sentejn, u li warajh hemm Deborah Mallia, imprenditriċi żagħżugħa ta’ 23 sena, li ħadet l-opportunità tinvesti grazzi għall-għajnuna tal-Gvern.  Hija kienet studenta tal-kors tal-Business fl-MCAST li pprovdilha t-tagħrif neċessarju biex tkun tista’ tagħmel il-pass u tiftaħ ħanut tal-ħwejjeġ li dejjem xtaqet. 

L-għajnuna tal-Gvern għalhekk kienet determinanti għal din it-tfajla biex twettaq il-proġett tagħha, li tidħol fid-dinja tax-xogħol, billi tarma ħanut tal-ħwejjeġ.  Fih investiet madwar €11,000 u li minnhom ħadet tnaqqis fit-taxxa ta’ €4,000.  L-investiment fil-ħanut kien jinvolvi l-bdil totali tal-għamara, tikħil, żebgħa, display tal-ħwejjeġ, sistema tal-computer u cash register, furnishings u finishings.

Jason Azzopardi saħaq li anke l-iżgħar fost l-iżgħar jistgħu jgawdu mill-iskemi tal-Gvern.  M’hemmx għalfejn tkun kumpanija kbira li timpjega numri kbar ta’ nies, biex tgawdi minn dawn l-għajnuniet.  M’hemmx għalfejn ikollok accountant jew business advisor biex jgħinek tibbenefika.  L-għajnuna hija disponibbli għal kulħadd, u huwa faċli li tibbenefika minnha.

Intant waqt l-istess żjara Jason Azzopardi innota kif il-Budget għas-sena d-dieħla huwa Budget li jikkonferma t-twemmin tal-Gvern fin-negozji żgħar u medji, u għalhekk jissokta bis-sostenn lejhom.

Ewlenija hija l-estensjoni tal-iskema MicroINVEST innifisha.  Din hija skema li tagħti tnaqqis fit-taxxa ta’ 40% fuq l-investiment li jwettqu dawk in-negozji micro.  Għal dawk irreġistrati Għawdex tagħtihom tnaqqis fit-taxxa ta’ 60%.  Jason Azzopardi rrimarka li din l-iskema kkontribwiet għat-tkabbir tal-ekonomija, u ġġenerat ix-xogħol.  L-iżjed importanti imma hu li permezz ta’ din l-iskema joħorġu fid-deher stejjer ta’ suċċess tant sbieħ.

Sal-aħħar ta’ Ottubru 2011 applikaw total ta’ 707 kumpanija li bejniethom investew mat-€13–il miljun u stmat li talbu madwar €5.5 miljuni fi krediti ta’ taxxa. Minn dawn, madwar 500 applikazzjoni kienu pproċessati u diġà ngħataw €3.3 miljuni fi krediti ta’ taxxa lill-kumpaniji li bejniethom ħolqu kważi 200 impjieg ġdid bl-għajnuna ta’ din l-iskema.

L-iskema MicroGUARANTEE, mħabbar fil-Budget għal 2012, ser tkun skema ta’ €20 miljun f’garanziji sabiex jingħataw garanziji bankarji fuq self għall-intrapriżi, eżistenti jew ġodda u vijabbli li għandhom bżonn il-kapital biex jinvestu u jaħdmu. Din l-iskema ser tmur id f’id ma’ skema oħra li diġà teżisti, il-MicroCREDIT li minnha diġà gawdew 141 negozju ġdid u dawn qed jinvestu €20 miljun fin-negozji tagħhom.  Din l-iskema hija miftuħa għall-SMEs kollha u tgħinhom jinvestu fin-negozji tagħhom b’self sussidjat, u b’rati vantaġġjużi.  L-iskema hija mħaddma mill-BOV u tifforma parti mill-programm tal-Unjoni Ewropea JEREMIE.

Intant is-Segretarju Parlamentari qal li din is-sena (2011), sena ta’ riċessjoni internazzjonali, u li għadha ma spiċċatx, diġà ħargu 900 liċenzja tan-negozju ġdid.  Dan jikkuntrasta ferm mal-1998 meta s-self employed kienu naqsu b’139, kienu ħarġu 388 liċenzja ġdida tal-kummerċ biss.  Dan jixhed il-fiduċja li għandhom l-imprendituri Maltin fl-ekonomija, li minkejja l-maltemp, xorta waħda qed jirnexxielna nirbħu l-isfidi.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI ‘Call it what it is’: Imnedija l-kampanja nazzjonali għas-16-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika

PR262011

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House meets with new UĦM leadership

PR262010en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House meets w...

More Press Releases Right arrow