Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU GĦAL WAQT L-INAWGURAZZJONI TAL-UFFIĊĊJI TA’ MALTA WINGS U MALTA FLYING, ĦAL LUQA – IL-ĦAMIS 24 TA’ NOVEMBRU 2011

pr2281
Date Icon 24/11/2011

Sur Fenech

Student

Sinjuri

Huwa unur għalija li nkun hawn illejla magħkom għal din l-inawgurazzjoni. 

Din hi bla dubju ta’ xejn ċelebrazzjoni għal min iddeċieda li jidħol għal dan l-investiment.

Fuq livell nazzjonali qegħdin ukoll niċċelebraw settur relattivament ġdid u li qed jikkontribwixxi għall-ekonomija Maltija b’aktar investiment u ħolqien ta’ aktar postijiet tax-xogħol.

Is-suċċess ta’ pajjiżna tul is-snin hu mibni fuq il-ħiliet u l-bżulija tal-ħaddiem Malti kif ukoll fuq is-sens intraprenditorjali.  Il-Malti dejjem jagħraf l-opportunitajiet li jeżistu.  Dan illum jixhdu s-Sur Patrick Fenech, żagħżugħ b’namra għall-avjazzjoni li b’determinazzjoni u b’sagrifiċċju studja u investa.  Fl-2004 ra l-opportunità li kienet toffri sħubija fl-Unjoni Ewropea f’dan il-qasam. 

Illum, seba’ snin wara s-sħubija, qegħdin naraw il-frott ta’ dik il-viżjoni tas-Sur Fenech.  B’ħames ajruplani u 14-il ħaddiem il-kumpanija kibret u qed toffri servizzi ġodda.  Għarfet il-potenzjal ta’ pajjiżna li tkun ċentru ta’ taħriġ fir-reġjun bi studenti barranin jiġu wkoll Malta biex jitgħallmu u jitħarrġu.  Pajjiżna qed jinbidel.

It-tkabbir ta’ din il-kumpanija jirrifletti wkoll fuq livell nazzjonali l-espansjoni tas-settur tal-avjazzjoni f’pajjiżna.  F’qasir żmien, pajjiżna sar ċentru reġjonali u ta’ fama internazzjonali għall-manutenzjoni tal-ajruplani b’aktar minn 1,000 ruħ impjegati minn kumpaniji internazzjonali, hawn Malta.  Biex isostni dan is-settur, il-Gvern qiegħed jinvesti f’Aviation Park b’investiment  ta’  17-il  miljun  Ewro. Fl-istess  ħin  nedejna  r-reġistru tal-ajruplani biex Malta tkompli tattira aktar xogħol f’dan is-settur. Nemmnu fil-potenzjal ta’ dan is-settur.

Biex nikkumplimentaw din l-industrija, għandna l-Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija fejn żgħażagħ qed jistudjaw u jitħarrġu biex jiġu impjegati ma’ kumpaniji li jagħmlu xogħol marbut mal-avjazzjoni. 

Sa ftit tas-snin ilu ħadd ma kien jimmaġina li pajjiżna seta’ jkun Ċentru fejn ajruplani jiġu għall-manutenzjoni.  Emminna f’pajjiżna,  fassalna viżjoni, u qed inwettquha.

Malta Wings u Malta Flying ukoll jemmnu fil-potenzjal ta’ dan is-settur.  Illum qegħdin iħarsu lejn il-futur tagħhom u ta’ pajjiżna b’fiduċja.  Konxja tal-opportunitajiet li jeżistu fil-futur speċjalment fir-reġjun tal-Mediterran, il-kumpanija qiegħda tkompli tinvesti. L-ajruplan il-ġdid kif ukoll il-hanger il-ġdid li s-Sur Fenech ħabbar, huma sinjal tal-fiduċja tal-kumpanija fil-futur ta’ pajjiżna. Futur mibni fuq il-bżulija, ir-responsabbiltà u fuq politika li hi ffukata li tkompli toħloq ambjent attraenti għall-investimenti.  L-investiment li għadu kif ġie mħabbar illum fis-settur tal-avjazzjoni huwa ħolqa waħda f’katina ta’ inizjattivi li s-settur privat ħabbar fil-jiem li għaddew.  Investimenti ġodda minn numru ta’ setturi differenti – dak tas-servizzi finanzjarji, is-settur farmaċewtiku kif ukoll fil-qasam tal-logħob diġitali.  Dawn mhux b’kumbinazzjoni.

Huma r-riżultat tal-politika responsabbli tal-Gvern kif ukoll tal-investiment li qed nagħmlu fis-settur privat.  L-għaqal li ħdimna bih qed jirrendi f’aktar investiment u aktar xogħol. 

L-ekonomija Maltija hi waħda b’saħħitha – tul l-2010 u l-2011 l-ekonomija kibret b’rata iktar mgħaġġla minn dik Ewropea.  Fl-ewwel 10 xhur din is-sena ġew approvati 35 proġett ġdid jew espansjonijiet ta’ fabbriki li diġà jinsabu Malta, b’investiment totali ta’ €145 miljun.  Dawn l-investimenti mistennija joħolqu 700 impjieg ġdid.

Minbarra l-investiment f’Park tal-Avjazzjoni, il-Gvern qed jinvesti f’Bio Malta Campus li se joħloq aktar xogħol.  Qed ninvestu wkoll €16-il miljun f’titjib infrastrutturali f’żoni industrijali.

Il-prijorità tagħna tibqa’ x-xogħol, se nibqgħu nistinkaw biex noħolqu aktar xogħol u xogħol aħjar. 

Biex dan iseħħ, il-Gvern qiegħed jinvesti f’numru ta’ skemi biex jinċentiva l-investiment u l-ħolqien tax-xogħol. Bit-tkomplija ta’ skemi bħal MicroCredit u MicroInvest qed ninċentivaw aktar sidien ta’ negozji żgħar u medji biex jinvestu u joħolqu x-xogħol.  Taħt l-iskema MicroInvest sa issa applikaw aktar minn 700 kumpanija b’investiment totali ta’ €13-il miljun u impjegaw 200 persuna ġdida.  Kull min japplika jista’ jibbenefika minn tnaqqis fl-income tax li jlaħħaq €25,000.  Dan it-tnaqqis igawdi minnu meta jinvesti jew iżid ħaddiema ġodda.  Biex inkomplu nibnu fuq is-suċċess tal-MicroCredit fejn aktar minn 140 negozju qed jinvestu  20 miljun Ewro l-Gvern nieda l-iskema tal-MicroGuarantee fejn il-Gvern se jkun qed jagħti garanziji bankarji fuq self. Qegħdin ninvestu ukoll fl-industrija b’aktar minn 14-il mijun Ewro f’inċentivi.

Sinjuri

Ninvestu għax nemmnu. Nemmnu fil-potenzjal ta’ pajjiżna, tal-ħaddiema tagħna u tal-intraprendituri Maltin.  L-okkazjoni tal-lejla tixhed dan il-potenzjal.

Nirringrazzja lis-Sur Fenech u nawguralu aktar suċċessi fil-futur.  Is-suċċess tagħkom huwa s-suċċess ta’ pajjiżna u jien fiduċjuż li dan is-settur tal-avjazzjoni se jkompli jżid fl-importanza tiegħu għal pajjiżna, b’aktar investiment u b’aktar ħolqien tax-xogħol.

Grazzi.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI ‘Call it what it is’: Imnedija l-kampanja nazzjonali għas-16-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika

PR262011

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House meets with new UĦM leadership

PR262010en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House meets w...

More Press Releases Right arrow