IL-PROPRJETÀ TAL-GVERN FIĊ-ĊENTRU TAL-ĦAJJA SOĊJALI TAL-LOKALITÀ
Il-proprjetà tal-Gvern, speċjalment dik storika għandha rwol mhux biss kulturali f’pajjiżna imma għandha rwol anke soċjali, li tajjeb li nibqgħu niskopru u nkabbru. Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għal Negozji Żgħar u Artijiet, Jason Azzopardi, llum waqt li kien qed iżur ix-xogħlijiet li qed isiru fil-Berġa ta’ Franza fil-Birgu, mill-Kunsill Lokali tal-istess lokalità, hekk kif din fl-aħħar snin għaddiet għand il-Kunsill biex jibda jopera minnha. Il-Berġa ta’ Franza, fil-qalba tal-Birgu għaddiet għand il-Kunsill Lokali bl-għan li dan ikun jista’ jopera minn fond iżjed ċentrali, u b’hekk jaqdi lill-pubbliku aħjar.
Jason Azzopardi iddawwar mis-Sindku tal-Birgu John Boxall, li wrieħ ix-xogħol ta’ restawr u manutenzjoni li għaddej fil-Berġa. Ix-xogħlijiet li saru fil-Berġa kemm din ilha f’idejn il-Kunsill jinkludu r-restawr tas-Sala Nobile, il-bdil ta’ travi tal-injam u xorok awtentiċi, il-bdil tal-kontrabejt u l-installazzjoni tal-membrane, u l-installazzjoni tas-servizzi kollha neċessarji. Il-post illum huwa mgħammar ukoll minn pannelli fotovoltajċi, li saru bl-għajnuna tal-iskema maħruġa mid-Dipartiment tal-Gvern Lokali taħt l-iskema għal Proġetti Energy Saving. Sar ukoll restawr ta’ allegorija barokka skulturata fil-ġebla li tinsab fit-taraġ tal-Berġa, li tirraffigura iljun. Ix-xogħol fil-parti l-kbira tiegħu qed isir minn 9 ħaddiema tal-ETC li qed jitħaddmu mill-Kunsill Lokali.
Intant is-Segretarju Parlamentari innota li fil-Budget 2012, il-Gvern qed jalloka fondi biex id-Dipartiment tal-Artijiet ikun jista’ jikkapitalizza l-kera t’akkwist ta’ proprjetà mibnija mill‐Gvern fuq art esproprijata wara t-Tieni Gwerra Dinjija b’titlu ta’ pussess u użu. Huwa kkalkulat li għandna mat‐3,000 familja fil-Belt u l-Kottonera, minn dawn, li ma jistgħux isiru sidien ta’ djarhom. Għalhekk il-Gvern qed jalloka €1.8 miljun biex tigi kapitalizzata l‐kera li ilha titħallas għal dawn l‐aħħar għexieren ta’ snin. Il‐Gvern jimpurtah minn dawn il‐familji, bħalma jimpurtah mill‐familji ta’ dawk l‐eredi tas‐sidien oriġinali tal‐bini li kien twaqqa’ fil‐Gwerra. Hu għalhekk li ser jiġu kapitalizzati dawn il-kirjiet, biex issir ġustizzja mas-sidien oriġinali tal-proprjetà, jew l-eredi tagħhom, u tingħata l‐possibbiltà lill‐familji li jgħixu fihom jixtru d-dar tagħhom. Dan isir billi l-proprjetà tgħaddi mingħand id-Dipartiment tal-Artijiet għand l-Awtorità tad-Djar, u din tagħti l-possibbilità lill-familji jixtru djarhom permezz ta’ skemi.
Jason Azzopardi żied li l‐Gvern ser ikompli jgħin ukoll lil dawk il-familji li għal dawn l-aħħar 30 sena kienu qed jgħixu fuq konvenju, għax id-djar tagħhom kienu mibnija fuq art esproprjata fis-sebgħinijiet u tmeninijiet, u din qatt ma tħallset. Il-konsegwenza ta’ dan kienet li huma ma setgħux isiru sidien ta’ djarhom. Għas-sena 2012, ser jitkompla l-proċess mibdi din is-sena biex jitħallsu s‐sidien oriġinali ta’ artijiet li ngħataw biex jinbnew id‐djar fil‐Home Ownership Schemes. B’investiment ta’ €5miljun fl‐aħħar sentejn madwar 500 familja diġà saru sidien ta’ djarhom għall-ewwel darba. Għas-sena d-dieħla ser jiġu investiti €3 miljun oħra biex iżjed familji jsiru tassew sidien ta’ djarhom.
Other Press Releases:
PR262011
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262010en