Left arrow Go Back

TERZ TA’ MILJUN EWRO GĦAL PROĠETT TA’ TISBIĦ FIĊ-ĊENTRU STORIKU TAL-MELLIEĦA

pr2260
Date Icon 22/11/2011

F’erba’ snin il-Gvern għadda €159 miljun lill-Kunsilli Lokali

Fil-ġimgħat li ġejjin il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa se jibda jimplimenta proġett ta’ tisbiħ f’Misraħ iż-Żjara tal-Papa Ġwanni Pawlu, iċ-ċentru storiku tal-Mellieħa, fejn hemm id-daħla għas-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa. Dan il-proġett se jsir bi sħab mas-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali b’investiment ta’ madwar terz ta’ miljun ewro.

Id-dettalji ngħataw mis-Segretarju Parlamentari Chris Said u mis-Sindku tal-Mellieħa Robert Cutajar waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha varaw il-proġett.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li matul is-sena d-dieħla l-Kunsilli Lokali se jkollhom aktar flus biex iwettqu proġetti u jaqdu r-responsabbiltajiet tagħhom.  Fil-Baġit 2012, l-allokazzjoni finanzjarji annwali żdiedet għal €32 miljun. Dan ifisser żieda ta’ 25 fil-mija fil-baġit tal-Kunsilli Lokali fuq perjodu ta’ erba’ snin.

Barra minn hekk il-Gvern ivvota fond ta’ miljun ewro oħra għal inizjattivi speċjali fil-lokalitajiet, €1.4 miljun għall-iskema tal-Public Private Partnership għat-toroq residenzjali, €1.64 miljuni għal servizzi lil Kunsilli Lokali, €1.5 miljun bħala vot kapitali, nofs miljun ewro għall-ko-finanzjament ta’ proġetti b’fondi tal-UE u €100,000 għat-taħriġ.  Dan ifisser li f’erba’ snin il-Gvern se jkun għadda qrib €159 miljun għall-Kunsilli Lokali.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li l-Gvern għandu fiduċja fil-ħidma tal-Kunsilli Lokali għaliex tul is-snin li għaddew, il-maġġoranza assoluta tagħhom ħadmu kemm felħu biex itejbu l-kwalita’ tal-ħajja tar-residenti tagħhom. Dan għamluh billi użaw b’mod għaqli l-finanzjament mgħoddi lilhom mill-Gvern u l-fondi li ħafna minnhom akkwistaw mill-Unjoni Ewropea. Fost l-oħrajn użaw dawn il-flus biex tejbu s-servizzi, investew fi spazji pubbliċi, irrestawraw postijiet storiċi, organizzaw korsijiet edukattivi u attivitajiet sportivi li attendew għalihom eluf ta’ Maltin u Għawdxin.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li dan il-proġett ta’ tisbiħ ta’ Misraħ iż-Żjara tal-Papa Ġwanni Pawlu għandu jkompli jżid il-valur tal-prodott turistiku fil-Mellieħa.  Hu stmat li 18 fil-mija tat-turisti li jżuru Malta, joqogħdu f’waħda mil-lukandi tal-Mellieħa.  Persentaġġ ferm ogħla jżuru din il-lokalita’ matul il-btala tagħhom f’Malta.

Is-Sindku tal-Mellieħa Robert Cutajar qal li dan il-proġett ilu fil-pjani tal-Kunsill Lokali għal numru ta’ snin. Wara li nkisbu l-permessi kollha meħtieġa, ix-xogħlijiet se jibdew f’Jannar li ġej u mistennija jitlestew sa nofs is-sena.  Ix-xogħlijiet jinkludi pavimentar flok il-wiċċ tat-triq eżistenti, il-bdil tar-railings u l-bankijiet, kif ukoll se tkun installata struttura artistika bl-ilma.

Il-biċċa l-kbira mill-Misraħ se jsir zona pedonali. Madanakollu se jibqa’ miftuħ l-aċċess għall-garaxxijiet.  Se jkun hemm ukoll postijiet riservati għall-persuni bi bżonnijiet speċjali kif ukoll spazji għall-vetturi tal-pulizija u ta’ ambulanza f’każ ta’ bżonn.  Is-siġar, li tant jagħmlu inkonvenjent minħabba l-ħmieġ kawżat mill-għasafar u l-ħsarat kawżati mill-għeruq, se jinqalgħu biex jitqiegħdu f’post ieħor fil-Mellieħa.  Minflokhom se jitqiegħdu siġar oħra li mhux se joħolqu l-istess problemi.

Din iz-zona tal-Mellieħa għandha valur storiku u ta’ qima ta’ kważi elfejn sena. Dan għaliex il-post hu marbut intrinsikament maż-żjara ta’ San Pawl f’Malta hekk kif affresk tal-Madonna u binha li jinsab fis-Santwarju hu attribwit għal San Luqa, li kien qed jakkumpanja lil San Pawl fil-vjaġġ tiegħu mil-Lvant lejn Ruma.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI ‘Call it what it is’: Imnedija l-kampanja nazzjonali għas-16-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika

PR262011

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House meets with new UĦM leadership

PR262010en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House meets w...

More Press Releases Right arrow