IL-GVERN JIGGARANTIXXI L-GĦAŻLA FL-EDUKAZZJONI ... AKTAR GĦAJNUNA LILL-ISKEJJEL INDIPENDENTI
Il-Gvern irid ikompli jiggarantixxi d-dritt li l-ġenituri jagħżlu huma f’liema skejjel iridu jibagħtu lil uliedhom, u dan qed jagħmlu billi jagħtu wkoll għajnuna lill-iskejjel indipendenti.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, Dolores Cristina żaret l-iskola sekondarja tas-St. Michael’s Foundation li hi skola indipendenti u li għandha wkoll skola primarja f’Pembroke.
Bħalissa, l-iskejjel indipendenti, flimkien ma’ dawk tal-Gvern u tal-Knisja qed jikkollaboraw flimkien fid-diversi riformi li qed isiru fil-qasam tal-edukazzjoni.
Il-Gvern jibqa’ impenjat li safejn hu possibbli jkompli jgħin ukoll l-iskejjel indipendenti u lill-ġenituri li jibagħtu lil uliedhom fihom, għax b’hekk ikompli jsaħħaħ l-għażla tal-ġenituri għall-edukazzjoni ta’ uliedhom.
Madwar 6,700 tifel u tifla, jattendu fi skejjel indipendenti mferrxa ma’ Malta u Għawdex. Fil-fatt hawn 19-il kindergarten indipendenti li fihom jattendu madwar 1450 tifel u tifla; 14-il skola primarja fejn jattendu 3,000 tifel u tifla u 10 skejjel sekondarji li fihom jattendu 2243 student.
Il-Ministru Cristina qalet li l-Gvern jirrikonoxxi l-kontribut li jagħtu dawn l-iskejjel fil-qasam edukattiv u għalhekk se jinħoloq fond biex jgħin lil dawn l-iskejjel, li s-sena d-dieħla se jipprovdi €1 miljun f’għajnuniet.
Dan il-fond se jintuża mill-iskejjel skont in-numru ta’ studenti li għandhom u l-flus minnu jistgħu jintużaw għal servizzi marbuta mal-ħtiġijiet individwali tal-istudenti, biex jinxtara software jew liċenzji tal-IT, biex itejbu l-faċilitajiet għat-tagħlim tax-xjenza jew faċilitajiet sportivi kif ukoll għall-iżvilupp professjonali tal-għalliema.
Mal-iskejjel indipendenti qed infasslu programm ta’ tliet snin ta’ kollaborazzjoni flimkien biex inkomplu nsaħħu s-settur edukattiv ta’ pajjiżna.
Barra minn dan, tingħata għajnuna diretta wkoll lill-ġenituri li jibagħtu lil uliedhom f’dawn l-iskejjel. Bħalissa hemm 4,160 familja li jkollhom tnaqqis fl-income tax għax jibagħtu lil uliedhom fi skejjel privati. Dawn il-ġenituri bejn l-2008 u l-2010 iffrankaw total ta’ €4.7 miljuni f’taxxa.
Fil-Baġit tħabbar li mis-sena d-dieħla se jiżdied l-ammont massimu ta’ tnaqqis f’taxxi lill-ġenituri li jħallsu miżati tal-iskola għal uliedhom.
Min għandu tfal f’daycare centre jew kindergarten se jiffranka €1,300 fis-sena, €100 aktar milli kien jiffranka sal-lum; min għandu tfal fil-primarja se jiffranka €1,600 flok €1,200 u min għandu tfal fis-sekondarja jiffranka €2,300 flok €1,600.
Barra minn dan, il-Gvern jgħaddi flus lill-ġenituri li uliedhom imorru fi skejjel indipendenti u jkollhom bżonn is-servizz ta’ Learning Support Assistants, biex ikunu jistgħu jħallsu għal dan is-servizz. Matul din is-sena hemm 55 Learning Support Assistant li qed jagħtu servizz lil 86 student fi skejjel indipendenti u l-Gvern se jħallas sa €400,000 għal dan is-servizz.
Matul din iż-żjara l-Ministru żaret diversi klassijiet, laboratorji u faċilitajiet oħra li toffri l-iskola. Alfred Sant Fournier wieħed mid-Diretturi tas-St. Michael’s Foundation irringrazzja lill-Ministru Cristina kemm għaż-żjara li għamlet fl-iskola kif ukoll għall-għajnuna u l-appoġġ li tagħti lill-iskejjel indipendenti.
Other Press Releases:
PR262011
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262010en