L-AMBAXXATA MALTIJA F’ATENI IMPENJATA F’ĦIDMA F’DIVERSI OQSMA.
Minkejja ċ-ċirkostanzi diffiċli li għaddejja minnhom il-Greċja, l-Ambaxxata ta’ Malta f’Ateni baqgħet attivament impenjata f’ħidma fl-oqsma politiċi, kummerċjali, ekonomiċi u konsolari.
L-Ambaxxata żammet kuntatti regolari mal-Awtoritajiet Griegi sabiex seta’ jiġi assigurat li r-relazzjonijiet eċċellenti li jeżistu bejn iż-żewġ pajjiżi jkunu riflessi wkoll f’appoġġ skambjat fuq inizjattivi proposti, u kandidaturi preżentati, fil-fora internazzjonali. Peress li l-Ambaxxata f’Ateni hija akkreditata wkoll għal Ċipru, kuntatti simili nżammu wkoll mal-Awtoritajiet Ċiprijotti.
L-Ambaxxata estendiet l-assistenza tagħha sabiex jiġu faċilitati żjarat uffiċjali ta’ delegazzjonijiet Ministerjali, u oħrajn, fil-Greċja u f’Ċipru, kif ukoll żjara uffiċjali ta’ delegazzjoni Parlamentari mmexxija mill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati fil-Greċja.
B’konsultazzjoni mal-Malta Enterprise, mal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu u mas-sezzjoni marittima fi ħdan Transport Malta, l-Ambaxxata kienet impenjata biex tfittex opportunitajiet fl-oqsma rispettivi. L-Ambaxxata indirizzat ukoll numru konsiderevoli ta’ domandi għal informazzjoni li rċeviet mingħand investituri interessati jinvestu f’Malta, inkluż, b’mod partikolari, fis-setturi tal-enerġija u tal-farmaċewtika. L-Ambaxxata pparteċipat ukoll f’attivitajiet organizzati mill-Kamra tal-Kummerċ ta’ Ateni u mill-International Propellor Club, li hi organizzazzjoni komposta minn sidien ta’ vapuri u yachts, bl-għan ewlieni li jiġu stabbiliti kuntatti siewja kummerċjali.
Fil-kamp kulturali l-Ambaxxata bħalissa tinsab f’kuntatti ma’ organizzazzjoni li tippromwovi attivitajiet kulturali fiċ-ċentru ta’ Ateni. L-għan ta’ dawn il-kuntatti huwa biex artisti Maltin jiġu inkoraġġati jippartecipaw f’espożizzjonijiet u attivitajiet oħra kulturali organizzati fil-kapitali Griega.
Fil-kamp konsolari l-Ambaxxata pprovdiet assistenza lil diversi ċittadini Maltin li ltaqgħu ma’ diffikultajiet waqt li kienu fuq żjarat fil-Greċja. L-Ambaxxata kienet ukoll impenjata fl-ipproċessar ta’ aktar minn mitt applikazzjoni għall-visas li oriġinaw minn pajjiżi fejn Malta m’għandhiex rappreżentanza.
Other Press Releases:
PR262011
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262010en